Dimostranti jaħarqu knisja fin-Niger

Il-Knisja fin-Niger qabel nghatat in-nar

Knisja Protestanta ngħatat in-nar fin-Niger wara li kien arrestat mexxej Musulman prominenti biex kompliet tbaqbaq il-ġlieda inter-reliġjuża fil-pajjiż. Rapporti jgħidu li n-nar fil-Knsija Assembly of God fil-belt ta’ Maradi sar b’ritaljazzjoni minn dimostranti li kienu qed jipprotestaw għall-arrest ta’ Imama prominenti.

Nies li raw l-inċident qalu li gruppi ta’ żgħażagħ dimostranti poġġew barrikati fit-toroq u ħarqu numru ta’ tyres mal-knisja.

Nhar is-Sibt li għadda l-Pulizija arrestaw lill-Imam tal-Moseka ta’ Zaria fuq akkuża li fil-jum ta’ qabel ikkritika liġi li tirregola l-organiżazzjoni tat-talb fil-pajjiż u sejjħilha “anti Islamika”.

Il-Pulzija qalu li l-Imama għamel apoloġija, inħeles nhar il-Ħadd.

F’messaġġ ftit qabel inħeles, l-Imam appella lill-partitarji tiegħu biex ma jkomplux jagħmlu irvellijiet fil-belt għax sostna li dan imur kontra l-Islam.

Stedina għall-perseveranza     

L-Isqfijiet tan-Niger u l-burkina Faso dan l-aħħar ikkundannaw l-istrateġiji użata mit-terroristi li joħolqu biża’ fost il-popolazzjoni u jiżirgħu l-mibegħda u l-ġlied bejn il-komunitajiet u r-reliħjonijiet.

Huma stiednu lill-insara biex jipperseveraw fit-talb u jkunu aktar prudenti u viġilanti kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq dak komunitarju, fi klima ta’ fidi u tama.

Il-liġi li tirregola l-prattika reliġjuża li kienet kritikata mill-Imama u wasslet għall-arrest tiegħu bdiet tkun diskussa fil-Parlament fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.

Dover li nipproteġu

Wara laqgħa bejn il-Prim Ministru u l-mexxejja ta’ organiżazzjonijiet Musulmani, il-Ministru tal-Edukazzjoni qal li qatt m’hu se tittieħed azzjoni kontra l-Islam u nsista li “aħna għandna d-dover li nipproteġu reliġjonijiet oħra”.

Il-Ministeru tal-Intern tan-Niger qal li l-liġi in kwestjoni kienet maħsuba biex tevita “l-abbużi minn organiżazzjonijiet terroristiċi”.

Vjolenza kontinwa

In-Niger hu pajjiż bi predominanza ta’ Musulmani fejn f’popolazzjoni ta’ aktar minn 20 miljun prsuna, l-insara hu biss sa 2%.

Fil-pajjiż diġa’ kien hemm ħafna inċidenti konnessi mar-reliġjon. Meta fl-2015 kienu publikati l-cartoons tal-Profeta Mohammed mill-gazzetta Franċiża “Charlie Hebdo” kienu saru rvellijiet li fihom inqatlu 10 insara u tkisseru u nħarqu kważi l-knejjes kollha fil-belt kapitali u f’Zinder, it-tieni l-akbar belt fil-pajjiż.