​Dimostranti f’Manoel Island jappellaw lill-Gvern biex jagħrbel il-kuntratt mal-MIDI

Attivisti mil-Kamp Emerġenza Ambjent qed iħeġġu lill-Gvern biex jagħrbel sew il-kundizzjonijiet tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-konsorżju MIDI dwar Manoel Island, sabiex ikun assigurat li mhux qed isiru abbużi.
Il-konsorzju MIDI plc ingħata konċessjoni ta’ 99 sena fejn dan l-aħħar ippreżenta l-MasterPlan għal Manoel Island, li se jkun jinkludi lukanda lussuża, kumpless tax-xiri, casino’, helipad u bini ta’ appartamenti oħra.
Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche’ qed isostni f’isem ir-residenti li Manoel Island għandha tingħata lura lill-pubbliku biex fiha isir park.  
Qal li ntbagħtet ukoll ittra lill-Prim Ministru, sabiex il-kuntratt jiġi eżaminat sewwa, l-iktar jekk hemm xi ksur ta’ regoli mill-konsorzju.
Kompla jgħid li l-Gvern għandu l-poter biex jintervjeni biex iwaqqaf dan il-kuntratt.
Is-Sindku tal-Gżira staqsa x’tip ta’ aċċess pubbliku se jkun hemm jekk issir il-privatizzazzjoni. Semma wkoll kif il-forti Manoel qatt tista’ tikseb status ta’ wirt kulturali dinji jekk tiġi żviluppata f’lukanda lussuża.