Dimostranti f’Hong Kong jimbuttaw lill-Pulizija bl-umbrelel

Iktar dimostrazzjonijiet pubbliċi f’Hong Kong hekk kif eluf ta’ persuni niżlu fit-toroq fid-distrett ta’ Mongkok. Dawn id-dimostrazzjonijiet saru ftit tal-ħin biss wara li l-awtoritajiet kienu rażżnu protesti oħra ftit sigħat qabel.
Fi skontri mal-Pulizija, id-dimostranti użaw biss umbrelel bħala l-arma tagħhom fejn dawn irnexxielhom jimbuttaw lura lill-uffiċjali tal-Pulizija. Huma rnexxielhom jieħdu f’idejhom territorju lejn in-nofsinhar tad-distrett filwaqt li waqqfu t-traffiku minn żewġ naħat.
Dawn il-protesti qed isiru biex jesprimu r-rabbja tal-poplu dwar ir-restrizzjonijiet taċ-Ċina dwar min jista’ joħroġ għall-elezzjoni ta’ Hong Kong fl-2017.