Dilma Rousseff president tal-Brażil għal 4 snin oħra

Dilma Rousseff reġgħet ġiet eletta bħala l-president tal-Brażil għall-erba’ snin li ġejjin.
Rousseff irnexxielha iġġib aktar minn 51% tal-voti waqt li l-kandidat oppost Aecio Neves, ġab 48%.
Waqt id-diskors tar-rebħa, Rousseff qalet li f’dawn l-erba’ snin li ġejjin trid tkun president aħjar minn dak li kienet sa issa.
Dilma Rousseff, li għandha 66 sena, fl-aħħar xhur ġiet ikkritikata minħabba l-infieq żejjed fuq il-logħob tat-Tazza tad-Dinja u n-nuqqas ta’ investiment fis-servizzi l-oħra li jolqtu direttament lill-poplu Brażiljan.
Talbet lill-Brażiljani biex jingħaqdu għall-ġid tal-Brażil u wegħdet li se tkun qed twettaq riforma fil-politika u se tkun presidenza miftuħa għad-djalogu.