Dikjarazzjonijiet tal-Assi: Fl-2015 Konrad Mizzi daħħal €70,300

Tpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra d-Dikjarazzjonijiet tal-Assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.
Fost oħrajn hemm ukoll id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi tal-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, li ddikkjara li fl-2015 daħħal €70,325 u li s-somma totali ta’ flus depożitati f’banek u kull xorta ta’ interess finanzjarju ieħor kienet €389,440.
Iddikkjara wkoll li s-somma totali ta’ self li għadha ma tħallsitx lura sal-31 ta’ Diċembru 2015 hi ta' €322,167.20.
Id-Dikjarazzjoni tal-Assi tal-Ministru u s-Segretarji Parlamentari ġiet iffirmata fit-8 ta’ Frar 2016.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu, Konrad Mizzi qal ukoll li għandu 4,000 ishma fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u, ddikkjara li akkwista Hearnville Inc, li hi rreġistrata fil-Panama u li qiegħed  il-kumpanija fi trust ġdida fi New Zealand (Rotorua Trust).
Fejn tidħol proprjetà immobili, Konrad Mizzi ddikkjara li għandu dar f’Londra, li tinkludi garaxx, u appartament f’Tas-Sliema.
Sadanittant, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikkjara li hu sid il-proprjeta tar-residenza tiegħu f’Burmarrad u ddikkjara li s-somma totali ta’ flus depożitati f’banek kien ta’ €73,000 filwaqt li d-dħul tal-2015 kien dak ta’ salarju ta’ Prim Ministru.
Iddikkjara wkoll li m’għandux self li għadu ma tħallasx lura fil-31 ta’ Diċembru 2015.