Dikjarazzjoni tal-Ministru li hija theddida għad-demokrazija – Jason Azzopardi

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Jason Azzopardi ddeskriva bħala theddida serja d-dikjarazzjoni fil-Parlament li għamel il-Ministru għall-Intern Manuel Mallia, li sostna li se jittieħdu passi dixxiplinarji kontra uffiċjali tal-Pulizija li jgħaddu informazzjoni interna.
Azzopardi saħaq li dikjarazzjoni bħal din tmur kontra l-ispirtu tal-Att dwar il-Whistleblower.
Staqsa jekk l-uffiċjali tal-Pulizija jħossuhomx komdi jirrappurtaw każi ta’ abbuż meta saret din id-dikjarazzjoni min-naħa tal-Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija.
Qal ukoll li b’dikjarazzjoni bħal din qed taqa’ l-maskra tal-Gvern Laburista u hija theddida għad-demokrazija u biex jinkixfu l-abbużi.
Staqsa kif Ministru jista’ jkun fdat meta jgħid li lest jieħu passi kontra minn jikxef il-korruzzjoni.
Skont Jason Azzopardi din hija forma ta’ ibbuljar mill-Gvern li qed twaddab lill-pajjiż lura għas-snin tmenin.  

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern sostna li Jason Azzopardi għamel konferenza tal-aħbarijiet imsejsa fuq allegazzjonijiet foloz bil-għan li jipprova jaħbi s-suċċessi li qed jagħmel il-Gvern f’diversi oqsma, fosthom fl-għoti ta’ drittijiet ġodda, partikolarment wara li din il-ġimgħa ġie konkluż it-tieni qari tal-abbozz tal-liġi dwar id-dritt li membri ta’ Korpi Dixxiplinati jissieħbu f’unjin tal-għażla tagħhom.
Il-Ministru Manuel Mallia jispeċifika li hu qatt ma hedded lil xi membri tal-Korpi Dixxiplinati biex ma jagħtux informazzjoni lill-ġurnalisti iżda wissa kontra min jagħti informazzjoni li jkun akkwista minħabba l-pożizzjoni u l-kariga tiegħu, informazzjoni li jekk tiġi ppublikata fil-midja tista’ xxekkel investigazzjonijiet kriminali. Dan hu protett bil-liġi wkoll.