Dikjarazzjoni dwar profili foloz tintbagħat lill-Kap tal-PN

F’ittra lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, attivist tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Kunsillier tal-PN Julian Micallef qabbad partitarji Nazzjonalisti biex jiftħu fake profiles biex jattakkaw lin-nies.

Fid-dikjarazzjoni l-attivist li Newsbook.com.mt ikkonferma l-identità tiegħu qal li huwa kien qed jinforma lill-Kap Nazzjonalista b’dan għax ma kienx ċert li l-Kap stess kien jaf b’dak li kien qed isir. Qal li Julian Micallef kien iqabbdu jiftaħ profili foloz biex minnhom ikun jista’ jattakka lil Nazzjonalisti oħra. Skont sorsi, iż-żewġ attivisti ħadmu mill-qrib tal-Kap Adrian Delia waqt il-kampanja għal Kap tal-PN fis-sajf 2017.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, l-attivist Nazzjonalist qal li ma riedx li din l-istorja tkun ippublikata. Huwa qal: “…ittella’ xejn jekk jogħġbok. Ma rridx l-istqarrija li toħroġ.”

Newsbook.com.mt prova jieħu l-kumment ta’ Julian Micallef u jgħid jekk jiċħadx din id-dikjarazzjoni. Micallef qal li għadha ma waslitx għandu d-dikjarazzjoni u għaldaqstant qal li jrid il-ħin biex jevalwa l-akkużi. Siegħu u nofs wara, Micallef bagħat messaġġ ieħor li fih qal li għadu ma rax id-dikjarazzjoni għax ma waslitx għandu. Jgħid li Delia lanqas ma bagħat għalih u jekk jibgħat għalih se jikkopera biex iwieġeb il-mistoqsijiet kollha. Saħaq li se jaħdem biex jissalvagwardja l-integrità u r-reputazzjoni tiegħu min-nies li skont Micallef “ħadmu bla heda biex iċappsu l-ħajja privata u pubblika ta’ Dr Delia”.

X’tgħid id-dikjarazzjoni li ntbagħtet lill-Kap tal-PN?

Jingħad li dawn il-profili foloz kienu saru biex Julian Micallef “jattakka u jgħajjar bl-iktar mod dispreġġattiv lill-kandidati u Deputati tan-Nazzjonalisti stess”. Lill-Kap Nazzjonalista, l-attivist jgħidlu li ma jafx jekk, sal-lum, kienx jaf b’dak kollu li ġara.

Id-dikjarazzjoni kompliet tgħid li Micallef kien qabbadu jsus wara l-eks mara ta’ Adrian Delia, Nickie Vella de Fremaux. Fil-proċess, l-attivist jgħid li ħa filmati ta’ Vella de Fremaux u bagħathom lil Micallef fuq Whatsapp.

Każ ieħor deskritt fid-dikjarazzjoni, kien meta Julian Micallef bagħat ritratt tal-eks mara tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopard ma’ Adrian Delia biex ir-ritratt jittella’ fuq Facebook. Dak iż-żmien Azzopardi kien qed jikkampanja bis-sħiħ biex id-Deputat Nazzjonalista Chris Said isir Kap tal-PN.

Minn stħarriġ li għamel Newsbok.com.mt, joħroġ li mill-ismijiet li ġew żvelati fid-dikjarazzjoni, profil wieħed biss għadu attiv u kien anke kkummenta b’mod dispreġjattiv fuq stejjer ta’ Newsbook.com.mt. Bl-isem falz ta’ John Formosa kienu joħorġu għadd ta’ posters u kummenti dispreġjattivi primarjament kontra l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Bl-isem falz ta’ John Formosa kien anke kkummenta b’mod dispreġjattiv fuq stejjer ta’ Newsbook.com.mt.

John Formosa huwa ħabib ta’ Adrian Delia fuq Facebook. Dawn il-posts ta’ profili foloz favur Delia kienu jiġu mxerrda fuq Facebook mill-Kunsilliera tal-PN fil-Marsa Charmaine Aquilina li tamministra Grupp PN. Aktar kmieni dan ix-xahar, persuni infurmati kkonfermaw ma’ Newsbook.com.mt li kienu wkoll ittieħdu passi dixxiplinarji kontra Aquilina. Aquilina aktar tard ċaħdet dan. MId-dikjarazzjoni jidher ukoll li Julian Micallef qal lil ċertu amministraturi tal-gruppi Nazzjonalisti fuq Facebook biex ikeċċuh.

AQRA: Crackdown on fake profiles

John Formosa huwa ħabib ta’ Adrian Delia fuq Facebook.

Fid-dikjarazzjoni l-attivist Nazzjonalist ħa passi biex iżomm lil Micallef responsabbli jekk ipattijielu għal dak li ġie żvelat.

Dawn il-posts ta’ profili foloz favur Delia kienu jiġu mxerrda fuq Facebook mill-Kunsilliera tal-PN fil-Marsa Charmaine Aquilina li tamministra Grupp PN.

Aquilina fi grupp sigriet li tamministra fuq Facebook ċaħdet ħafna affarijiet li Newsbook.com.mt qatt ma qal. Minkejja dan qed inġibu li kitbet.
“…la qatt ghamilt uzu minn fake profiles, qatt ma kont parti minn konfoffi biex jintuzaw fake profiles u wisq inqas ma qatt kelli pressjoni minn xi hadd dwar kif jitmexxa l-Grupp PN li tieghu ilni admin sa mill-bidu tieghu”.
Ħaġa oħra li Newsbook.com.mt qatt ma qal iżda Aquilina ċahdet kienet li ġiet ikkuntattjata mill-partit u ttieħdu passi dixxiplinari fil-konfront tagħha.

Id-dikjarazzjoni ffirmata li ntbagħtet lill-Kap tal-PN Adrian Delia.

*Dan l-artiklu ġie aġġornat biex jinkludi reazzjoni fuq Facebook tal-Kunsilliera tal-PN fil-Marsa Charmaine Aquilina.