Dik saret il-moda, tiġbed linja u l-għada tmur ix-xogħol – Il-Ministru

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li t-trend illum saret li “u iva llum nieħu linja u l-għada mmur ix-xogħol”.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija supplimentari tad-deputat Nazzjonalista Claudio Grech, il-Ministru qal li filwaqt li l-overdose f’Malta naqset, apparti każ riċenti, minħabba t-tnaqqis fl-użu tal-eroina, żdiedet il-kokaina.

Huwa qal li 900 persuna tmur id-detox kuljum biex tieħu l-methadone.  Huwa tkellem kontra l-moda ta’ bħalissa li “it’s okay li tieħu linja fil-weekend imbagħad tkompli tgħix ħajja normali matul il-ġimgħa.”

Sostna li din it-trend qed toħloq problemi mentali fuq l-individwi. Għal dan il-għan is-sena d-dieħla se jinfetaħ ċentru speċjalizzat fil-kura ta’ minorenni li għandhom il-vizzju tad-droga.