Diġà qed jinqatlu l-annimali għal-laħam halal f’Malta

Il-biċċerija ta’ Malta qalet li diġà qed jinqatlu annimali għal-laħam halal.

Fi stqarrija, il-biċċerija qalet li l-proċeduri li ssegwi huma konformi mal-liġijiet Ewropej. Intqal li l-annimali kollha jiġu storduti (stunned) qabel ma jinqatlu, anke dawk li jinqatlu għal-laħam halal.

Skont il-biċċerija, fil-każ tal-laħam halal isir ritwal minn biċċier Musulman biex jiġi assigurat li l-laħam jinqatel skont il-proċeduri tal-Islam.

Halal bl-Arbi tfisser permessibbli. Ikel halal huwa dak li jikkonforma mal-liġi Iżlamika, skont kif miktub fil-Koran.

Il-metodu Iżlamiku tal-qtil tal-annimali għal-laħam jinvolvi l-qtugħ tal-vina tal-għonq, il-carotid artery, u l-pipe tan-nifs.

Riċentament qam dibattitu dwar dan il-metodu fil-midja soċjali wara li l-Imam Mohammed El Sadi talab biex fil-biċċerija jkun possibbli li l-annimali jinqatlu wkoll bis-sistem Musulmana.