Diġà nkitbu 500,000 għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2016

Għalissa għadu wisq kmieni biex inkunu nafu kemm se jattendu nies għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ta’ din is-sena. 
Li hu magħruf hu li l-Campus Misericordiae, kbir 2.5 kilometru kwadru, fejn se ssir il-velja mal-Papa, se jkun jista’ jilqa’ sa 5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar id-dinja kollha. 
It-tim Pollakk li qed jieħu ħsieb l-organizzazzjoni ħabbar li sal-ewwel ġurnata ta’ Jannar, kien hemm aktar minn 500,000 pellegrin irreġistrati. 
Dan ifisser li nofs miljun żgħażagħ minn madwar id-dinja kollha, iddeċidew li fi ftit xhur oħra – eżattament f'temp ta' 6 xhur – jieħdu sehem fl-avveniment kbir flimkien mal-Papa Franġisku, mill-25 sal-31 ta’ Lulju 2016 fi Krakovja, il-Polonja.
Fuq Twitter, it-tim organizzattiv kiteb: “Mhux se ngħidu aktar li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ se jsir is-sena d-dieħla għax is-sena 2016 qiegħda magħna u Krakovja 2016 hi ftit xhur oħra.”
Għal dan l-appuntament mal-Papa Franġisku, se jitla’ wkoll grupp ta’ żgħażagħ Maltin, immexxi miż-ŻAK (Żgħażagħ Azzjoni Kattolika). 
Bejn l-20 u l-24 ta’ Lulju il-Maltin se jkunu qed jagħmlu esperjenza f’waħda mid-djoċesijiet tal-Polonja, biex imbagħad, bejn il-25 u l-31 ta’ Lulju, jingħaqdu mal-kumplament taż-żgħażagħ mid-dinja kollha biex jiċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Għal aktar dettalji tista’ tidħol fuq: https://www.zakmalta.org/wyd/