Diġà kien hemm 176 applikazzjoni għal vetturi elettriċi

Il-pubbliku beda juża d-diversi inċentivi biex wieħed japplika għal mezzi tat-trasport iktar nadif. L-iskemi jammontaw għal ftit iktar minn €1.8miljun.
Dan qalu l-Ministru għat-Trasport Ian Borg waqt li kien qiegħed f’showroom tal-karozzi fejn kienet qed tiġi inawgurata karozza elettrika ġdida bl-isem LEAF tal-marka Nissan.
S’issa kien hemm 176 applikazzjoni għal vetturi ta’ kategorija M1, u ġew approvati 44 karozza.
Kien hemm 29 applikazzjoni għall-iskema li hi ta’ benefiċċju għal min jrid jixtri vetturi elettriċi u plug-in hybrids.
Dan filwaqt li 28 individwu applikaw għall-benefiċċju tal-muturi u 10 oħra applikaw għal benefiċċju sabiex jeqilbu s-sistemi ta’ fjuwil tagħhom f’LPG/Autogas.
L-inċentivi qegħdin għal min jixtieq jiskrappja l-karozzi antiki sabiex idaħħal vetturi tal-Kategorija M1, kif ukoll min jixtri vetturi elettriċi hybrids, vetturi żgħar bħala muturi mopeds, quad bikes elettriċi, roti u pedelecs.
L-iskemi ilhom fis-seħħ minn Jannar.