“Diġà hemm kuntratti iffirmati għad-demmiela fil-Munxar” – Chris Said

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista (PN) għal Għawdex Chris Said allega li diġà ġew iffirmati kuntratti bejn ir-raħħala u l-operatur tal-impjant tad-demel fil-Munxar.
Fi stqarrija, Chris Said qal li l-Gvern qed jilgħab bil-kliem meta jgħid li s’issa kulma hemm huwa biss interess mis-settur privat biex issir riċerka fuq soluzzjoni għal din l-isfida ambjentali.
Żied jgħid li minkejja li l-Gvern fassal il-Pjan Nazzjonali tal-Immaniġġjar tal-Iskart lura fl-2014, il-Gvern raqad fuqu bil-konsegwenza li Malta tista’ titpoġġa f’riskju mal-Unjoni Ewropea.
Il-Kunsill tal-Munxar ħareġ stqarrija lbieraħ li fiha żvela li l-pożizzjoni tal-Kunsill hija kontra xi tip ta’ attività marbuta mal-ipproċessar tad-demel tal-bhejjem fir-raħal. Il-Kunsill tal-Munxar għandu maġġoranza Laburista.
L-istqarrija tal-PN ittemm b’suġġeriment lill-Gvern li sit alternattiv għandu jintgħażel u li l-istudji kollha neċessarji għandhom iseħħu. Intqal ukoll li d-demel jiswa l-flus, u minnu għandhom jagħmlu l-flus ir-raħħala u mhux is-settur privat.