“Diġà bdejt infittex kandidati ġodda għall-elezzjoni ġenerali” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li diġà beda jfittex kandidati ġodda għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Żied jgħid li f’Settembru li ġej, il-partit se jkun f’pożizzjoni li jippreżenta l-ewwel grupp ta’ uċuh ġodda.
Fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Dr Busuttil qal ukoll li meta jasal il-mument li jkun hemm bżonn reshuffle, lest li jagħmilha.
Sostna li meta l-Oppożizzjoni qed tressaq il-proposti tagħha, il-Gvern qed jinjoraha. Madanakollu, saħaq li se jkompli jagħmilhom. Qal li ‘issa hemm partit ġdid, kap ġdid u jien lest noffri l-ideat tiegħi’.
“Jien minix ta’ qabli, jien differenti, jien persuna oħra, m’hemmx kontinwazzjoni,” żied jgħid Dr Busuttil.
Dwar l-istil tat-tmexxija tiegħu, Simon Busuttil qal li għalih ‘ir-raġuni hi l-ikbar forza u mhux it-tisbit u n-negozjati qisna qegħdin is-suq.’ Sostna li bil-valuri tiegħu, il-persważjoni u d-determinazzjoni, se jqajjem lill-partit fuq saqajh għax iħobb lill-pajjiżu.  Saħaq li jemmen li l-PN jista’ jagħti futur aħjar lill-poplu Malti.
Fuq l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, Dr Simon Busuttil qal li qed jisfida lill-Prim Ministru Joseph Muscat u jitolbu jirtira l-pjan li jiġu posposti.Sostna li l-elettorat għandu dritt jivvota, jiddeċiedi u jagħżel. Saħaq li mhux ġust li l-Prim Ministru jneħħi dan id-dritt, meta Malta għandha fost l-ogħla rata ta’ votazzjoni. Dr Simon Busuttil qal li s-sena d-dieħla xorta se jsir referendum fuq il-kaċċa, u għalhekk l-ispiża xorta se tkun hemm.
Dwar il-każ Martin Galea, Simon Busuttil qal li kien diżappuntat li l-verżjoni tal-Gvern u dik ta’ Martin Galea ma kinux jaqblu. Dan minbarra li kien ferm diżappuntat li l-Gvern Malti kien jaf li hemm bniedem Malti maħtuf fil-Libja, u l-Prim Ministru baqa’ msiefer.