Diffikultajiet għal Hyundai fiċ-Ċina

Hyundai Motor qed tikkunsidra s-sospensjoni tal-produzzjoni tagħha fl-eqdem fabbrika f’Beijing hekk kif naqas il-bejgħ fl-akbar suq tagħha, li ċkien l-ewwel darba f’għexieren ta’ snin. Din id-deċiżjoni titfa’ dawl fuq is-sitwazzjoni ta’ Hyundai li qed tbati f’suq fejn inqabdet bejn il-kumpanija tradizzjonali Ewropej kif ukoll rivali Ċiniżi low-cost, f’kuntest ta’ deklin gradwali fl-akbar suq tal-karozzi fid-dinja.

Il-kumpanija Sud Koreani ħabbret li l-iskop tagħha hu li “tottimizza l-produzzjoni” u ssaħħaħ il-profitabbilità fiċ-Ċina, u f’dan il-kuntest kienet qed tikkunsidra s-sospensjoni ta’ din il-fabbrika, li hija waħda minn tlieta fil-kapitali. Il-kumpanija diġà keċċiet jew irrikolat mal-2,000 ħaddiem. Hyundai ilha fiċ-Ċina mill-2002 f’intrapriża konġunta ma’ BAIC Motor, kumpanija tal-Istat u sal-2016 kienet it-tielet l-akbar manifattur fiċ-Ċina b’aktar minn miljun karozza mibjugħa. Iżda fl-2017 il-bejgħ niżel għal 820,000 vettura, l-ewwel minħabba tilwima diplomatika bejn iċ-Ċina u l-Korea t’Isfel. Filwaqt li anke l-2018 kien diżappuntanti, l-2019 beda b’ton ferm aktar negattiv, bi tnaqqis ta’ aktar minn kwart tal-bejgħ, tant li hu stmat li l-impjanti fiċ-Ċina qed joperaw biss fi 30% tal-kapaċità tagħhom.

Esperti fis-settur innutaw ukoll li l-kumpanija sofriet min-nuqqas ta’ mudelli sportiv u li kienet “tard” fis-suq biex tirrispondi għat-talba dejjem akbar għal mudelli tat-tip SUVs.

Inqas tkabbir ekonomiku fl-2019

L-OECD reġgħet naqqset it-tbassir tagħha għall-ekonomija globali għall-2019 u l-2020, wara li kienet diġà ħadet dan il-pass f’Novembru. Dan hekk kif hija wissiet dwar l-impatt tat-tilwim kummerċjali u d-dubji marbuta ma’ Brexit se jkollhom fuq il-kummerċ u n-negozji madwar id-dinja. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ riċessjoni fl-Italja wkoll qed tħalli impatt fuq l-ekonomija Ewropea.

L-Organizzazzjoni issa qed tbassar li l-ekonomija dinjija se tikber b’3.3% fl-2019 u 3.4% fl-2020, tnaqqis ta’ 0.2% u 0.1% rispettivament mill-aħħar tbassir f’Novembru li għadda. L-OECD spjegat kif il-fatturi msemmija qed iħallu impatt fuq il-kunfidenza tan-negozji u l-konsumaturi. B’mod partikolari jekk il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jsir b’mod diżorganizzat, dan se jkollu impatt ekonomiku sostanzjali.

Għall-Ġermanja, l-akbar ekonomija Ewropea, l-OECD naqqset it-tbassir ta’ tkabbir għall-2019 b’aktar min-nofs, minn 1.6% għal 0.7%. L-ekonomija Ġermaniża li hija dipendenti ħafna fuq l-esportazzjoni hi partikolarment milquta b’domanda globali aktar baxxa u ż-żieda ta’ ostakli għall-kummerċ.

Tagħrif pubblikat aktar kmieni dan ix-xahar wera li d-dħul personali fl-Istati Uniti naqas għall-ewwel darba fi tliet snin f’Jannar filwaqt li n-nefqa tal-konsumaturi naqset bl-akbar ammont f’Diċembru. Fl-istess waqt, anke ċ-Ċina, it-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja, esperjenzjat tnaqqis fit-tkabbir, b’dan jinżel fl-anqas livell fl-aħħar 30 sena, sitwazzjoni li wasslet lill-Gvern biex iħabbar biljuni ta’ dollari f’investiment infrastrutturali biex jixpruna l-attività ekonomika.

Investiment qawwi għal ExxonMobil

ExxonMobil, it-tielet l-akbar kumpanija taż-żejt fl-IStati Uniti qed tippjana programm ta’ innestiment kapitali qawwi bl-għan li twassal għal “żieda qawwija” fil-volum ta’ produzzjoni ta’ żejt u gass. Il-kumpanija ħabbret li se tkun qed tonfoq mat-30 biljun dollaru din is-sena u 35 biljun s-sena d-dieħla. Dan hekk kif il-kumpanija għandha opportunitajit kbar ta’ investiment grazzi għax-xiri ta’ assi fil-Permian Basin fl-Istati Uniti u skoperti taż-żejt fil-Gujana.

L-iskop tal-kumpanija, kif preżentat lill-azzjonisti, hu li twassal għal żieda ta’ 46% fid-dħul bejn l-2020 u l-2015, fuq it-tbassir ta’ prezz taż-żejt ta’ 60 dollaru l-barmil. Dan jimplika li l-kumpanija mistennija tipproduċi madwar 4.5 miljun barmil kuljum fl-2021 u aktar minn 5 miljuni fl-2025, meta mqabbel ma’ 3.8 miljun kujun.

Fl-istess ħin, Exxon Mobbil li għandha kapitalizzazzjoni tas-swieq ta’ madwar 340 biljun dollaru, ħabbret ukoll li fi ħsiebha żżied il-bejgħ ta’ assi fit-tliet snin li ġejjin, sa 15-il biljun dollaru bl-għan li tkompli tiffoka fuq l-oqsma ċentrali tal-oqsma tagħha.

Il-kumpanija rrikonoxxiet li d-dinja riesqa dejjem aktar lejn l-użu ta’ enerġija nadifa iżda s-sostniet li l-produzzjoni ta’ żejt u gass tibqa’ kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku fis-snin li ġejjin.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250.