Diffikultajiet fl-Università għal min juża s-siġġu tar-roti

Dalgħodu żewg timijiet daħlu minn żewg entraturi differenti tal-Universita' u mxew f'siġġu tar-roti lejn il-"lecture centre" tal-Università ta' Malta. Waqt din il-mixja ittieħdet nota tan-nuqqas t'aċċessibilità li ltaqgħu magħha tul it-triq.

L-attività ġiet organizzata mill-Għaqda Studenti għall-Ħarsien Soċjali (SHS) biex titqajjem kuxjenza dwar nuqqas ta' aċċesibilità li studenti li jużaw siġġu tar-roti jiltaqgħu magħha ta' kuljum.

Ġie nnutat li madwar ir-"ringroad" hemm nuqqas ta' spazju fejn persuna timxi b'siggu tar-roti tant li kellhom jimxu f'nofs tat-triq, bil-karozzi ġejjin min-naħa opposta.

Meta waslu fid-destinazzjoni nnutaw ukoll li ma setgħux jgħaddu mill-bieb minħabba li dan kien nofsu magħluq. Meta ppruvaw jiftħu n-nofs l-ieħor tal-bieb ma rnexxilhomx mingħajr l-għajnuna ta' ħaddiehor.

L-eżekkutiv tal-SHS se jagħmel rapport dettaljat li se jingħata lill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) biex jittieħdu l-passi meħtiega biex l-Università tkun aktar aċċessibli għal kulħadd.