Diffikultajiet ekonomiċi għal Singapor

L-ekonomija ta’ Singapor – meqjusa bħala waħda mit-tigri ekonomiċi tal-kontinent Ażjatiku rreġistrat tkabbir diżappuntanti fl-2019, hekk kif ir-ritmu kien l-aktar wieħed kajman tul id-deċennju li għadu kif intemm. L-ekonomija ta’ Singapor, b’dipendenza qawwija fuq is-settur tas-servizzi, soffriet il-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina kif ukoll diffikultajiet fuq sala globali fis-settur tal-elettronika.

Fl-2019, l-ekonomija filfatt kibret biss b’0.7%, daqqa sostanzjali ‘l isfel anke mis-sena ta’ qabel, fejn it-tkabbir kien ta’ aktar minn 3%. L-akbar bank f’dan l-istat, DBS, qed ibassar li l-2020 jwassal għal titjib żgħir, bi tkabbir ta’ 1.4%. Il-klima ta’ inċertezza mistennija tkompli teskala hekk kif din il-gżira mistennija jkollha elezzjoni ġenerali fix-xhur li ġejjin.

Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern mistenni jħabbar l-aħħar baġit tiegħu fit-18 ta’ Frar, li fih ikun ferm ġeneruż, partikolarment fejn tidħol għajnuna fiskali. Il-Gvern hu f’pożizzjoni li jagħmel dan wara s-surplus reġistrat fl-aħħar snin.

L-akbar diffikultajiet kienu reġistrati fis-settur tal-manifattura, li ċkien b’1.5% fuq is-sena li għaddiet, tnaqqis qawwi fuq is-7% tal-2018. Is-settur tas-servizzi, li huwa mutur ekonomiku għal dan in-nazzjoni kiber biss 1.1%. Fid-diskors annwali lin-nazzjoni f’lejliet l-Ewwel tas-Sena, il-Prim Ministru Lee Loong ddefinixxa dawn ir-riżultati kienu relattivament pożittivi b’konsiderazzjoni tad-diffikultajiet ekonomiċi globali.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment