“Diffiċli tifhem kif il-Gvern aċċetta parties kbar li rrifjutat l-Ewropa” – Sant

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant qal li diffiċli wieħed jifhem ir-raġunar li bih il-Gvern aċċetta li f’Malta jsiru parties kbar tal-massa li ċaħdet li torganizzahom il-bqija tal-Ewropa minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Fuq Facebook, l-MEP kritika t-tattika tal-Gvern u anke tal-għaqdiet tal-professjonisti mediċi għaliex qal li t-tnejn “wettqu fouls li messhom ġew evitati.”

Huwa żied jgħid li hu minnu li jeħtieġ li l-ekonomija u t-turiżmu jissaħħu, “imma mhux akkost ta’ kollox.”

Kliem Sant huwa dwar erba’ festivals internazzjonali li kienu se jsiru f’Malta wara li pajjiżi oħrajn irrifjutaw li jorganizzawhom minħabba l-pandemija. Dawn il-festivals kienu mmirati lejn żgħażagħ barranin biex iqajmu s-settur tat-turiżmu. Tħassru fl-aħħar jiem wara li f’Malta żdiedu ferm l-għadd ta’ każijiet tal-coronavirus.

Jidher li lanqas il-Professur Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, ma qablet li jibqgħu jsiru l-attivitajiet tal-massa wara li tħabbru restrizzjonijiet fuq dawn nhar il-Ħamis li għadda. In-nuqqas ta’ qbil tagħha jidher minn tabella mmarkata bl-aħmar inkluża fil-linji gwida li tgħid li s-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika mhix favur li jiġu organizzati attivitajiet tal-massa, iżda ladarba dawn xorta jistgħu jsiru, inħarġu standards li għandhom jinżammu biex titħares is-saħħa ta’ dawk preżenti.

Sant kritika wkoll l-aġir tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u qal li ma jifhimx il-lingwaġġ u l-attitudni tagħha. Spekula li forsi qed taġixxi b’dal-mod biex tpoġġi lill-Gvern f’qagħda umiljanti. Sostna li hemm modi oħra li huma aktar sinċiera ta’ kif il-professjonisti jistgħu juru li ma jaqblux.

Illum il-ħaddiema tas-saħħa kellhom jibdew azzjoni industrijali billi dawn ma jaqblux mal-fatt li qed jitħallew isiru attivitajiet tal-massa, iżda din ġiet posposta wara taħditiet mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. L-azzjoni industrijali issa għandha ssir nhar l-Erbgħa li ġej.