‘Jalla f’dan il-post issiru iktar midħla tal-Mulej’ – L-Arċisqof lill-priġunieri

L-Arċisqof Charles Scicluna awgura lill-priġunieri biex isiru aktar midħla tal-Mulej fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Dan qalu waqt l-omelija tiegħu waqt quddiesa mar-residenti tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin, l-għada tal-Milied.

Fi stqarrija l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li Mons. Scicluna rringrazzja lill-Aħwa Kapuċċini talli joffru s-servizz tas-sagramenti, il-Quddies, u l-Qrar. Huwa ħeġġeġ lill-priġunieti biex jirrikorru għand il-patrijiet biex iqerru.

“Aħna lkoll kemm aħna għandna bżonn il-maħfra ta’ Alla u l-maħfra ta’ Alla żżommok u turik fejn hemm bżonn tikber fil-ħajja tiegħek u l-Mulej jagħtik il-paċi tal-maħfra tiegħu.”

L-Arċisqof awgura aktar vokazzjonijiet lill-Kapuċċini. Awgura wkoll biex il-ħabsin jieħdu l-frott minn din l-opportunità li qed joffru l-patrijiet u jikkooperaw.

“L-għażla f’idejk għax xejn mhu bilfors fejn jidħol ir-reliġjon”

“Meta jkun hemm Quddiesa, inti tista’ toqgħod fil-kamra jew ma’ sħabek tilgħab logħba ċess jew tagħmel affarijiet oħra, imma tista’ tgħid ukoll: ‘Ħa mmur nisma’ Quddiesa la għandi ċ-ċans’. L-għażla f’idejk għax xejn mhu bilfors fejn jidħol ir-reliġjon.”

L-Arċisqof fakkar lill-ħabsin li kienu qed jiċċelebraw il-festa ta’ San Stiefnu, li ismu jfisser ‘kuruna’.

“Dan iż-żagħżugħ kien ġej minn kultura Griega u għalhekk ismu wkoll ġej mill-Grieg; kien intagħżel mill-appostli ma’ sitta oħra biex ikunu jistgħu jaqdu fl-imwejjed.”

Mons. Scicluna spjega li l-Knisja kienet tagħmel il-ġbir imbagħad tqassam skont il-bżonn ta’ kulħadd, bħal ma jsir illum. Żied jgħid li kienu jaqdu wkoll fl-imwejjed. Hawn, l-Arċisqof irringrazzja lil Dun Charles Cordina u lill-Caritas tal-ikla tal-Milied li organizzaw fejn ġew 500 persuna.

‘Ħafna drabi n-nies jaħsbu li l-ewwel Insara kienu perfetti’

Mons. Scicluna qal li ħafna drabi n-nies jaħsbu li l-ewwel Insara kienu perfetti. Madanakollu qal li mill-bidu nett kien hemm il-kwistjonijiet għax kienu qed jippreferu lil-Lhud u lill-Griegi kienu qed iaħlluhom lura meta jqassmu. Imbagħad inqalgħet kwistjoni.

L-Arċisqof qal li Stiefnu beda jipperswadi lil sħabu l-Lhud li ma kinux Insara li Ġesù huwa l-Messija. Spiċċa akkużat li qed jidgħi u ġie kkundannat għall-mewt. Qabel ma’ miet lissen kliem simili bħal dawk li qal Ġesù fuq is-salib u talab lil Alla jaħfer lil dawk li kienu se joqtluh.

‘Ġesù jgħid li huwa faċli tħobb lil min iħobbok’

Mons. Scicluna qal li l-marti xhud ta’ Ġesù jagħti ħajtu għal Ġesù u jkun jixbħu mhux biss bil-mod kif imut għall-fidi tiegħu. Qal li sal-ġurnata tal-lum hemm Insara ppersegwitati maqtula minħabba l-fidi tagħhom.

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar kif Ġesù jgħid li huwa faċli tħobb lil min iħobbok.

“Imma lil min għamillek id-deni kif se tħobbu? Diffiċli ħafna! Imma l-Mulej jagħtina dan il-parir li mhuwiex faċli, bħal ħafna kliem tal-Mulej, bħall-kmandamenti ta’ Alla, imma li warajhom hemm fidi li ttik il-paċi tal-qalb.”

Tista’ taqra l-omelija sħiħa minn hawn.