“Diffiċli nibgħat lil uliedi jorqdu bil-ġuħ” – omm

Missier ta' żewġ itfal li għandu l-marda tal-kanċer irrakkonta ma' Newsbook.com.mt id-diffikultajiet li jinsab għaddej minnhom bħalissa.

Newsbook iltaqa' mal-familja ta' Ġorġ f'Buġibba fejn kienu qed jippruvaw jiġbru xi ħaġa tal-flus bit-tama li ma jmorrux jorqdu bla ma jieklu.

Ġorġ, li kien flimkien ma' martu u wieħed minn uliedu qal li m'għandux biss problemi finanzjarji iżda l-kanċer li għandu fil-musrana nfirixlu fl-intern kollu. 

Jispjega kif minkejja l-qtugħ il-qalb tal-marda, kull ġurnata ġġib magħha sfida biex, kif jista', jieħu xi ħaġa tal-flus id-dar, li jkun ġabar mingħand in-nies. 

Braydon, iben Ġorġ li għandu erba' snin, deher jilgħab b'kull ma jsib bejn tgħannieqa u oħra ma' missieru. 

Nistaqsuh x'jixtieq, bil-ħsieb li jitlob dak li tfal tamparu jkunu jixtiequ, iwieġeb fil-pront "Nixtieq li l-papa jfieq!".

Il-kundizzjoni medika li jinsab fiha Ġorġ ma tippermettix li joħroġ jaħdem filwaqt li Maria, omm Braydon, tissielet biex issib xogħol b'sigħat qosra bħala fattiga, biex b'ħarba sakemm tħalli ż-żewġt itfal u r-raġel waħedhom tmur taqla' xi ħaġa tal-flus. 

Tappella lill-entitajiet farmaċewtiċi jgħinuhom jixtru affarijiet bażiċi bħal garżi u stikk, li Ġorġ ikollu bżonn ta' kuljum.

Tispjega kemm hu diffiċli tibgħat lil uliedha jorqdu bil-ġuħ għal ħamest ijiem sħaħ filwaqt li tirringrazzja kumpanija li din il-ġimgħa offriet li tibda tagħtiha prodotti tal-ikel b'xejn.

Din il-familja ilha taffaċċja sfidi iebsa għal dawn l-aħħar sentejn, minn meta marad Ġorġ. Ftit iktar minn sena ilu, din il-familja għamlet jiem tgħix fil-bandli ta' Ħaż-Żabbar wara li spiċċaw bla saqaf fuq rashom hekk kif ma kellhomx flus biex iħallsu l-kera u l-kontijiet. 

Kull min jixtieq jgħin lil din il-familja permezz ta' donazzjonijiet jew prodotti bażiċi jista' jikkuntattja lil Newsbook.com.mt fuq info@newsbook.com.mt.   

Għalkemm ix-xewqa ta' Braydon diffiċli ssir realtà, din il-familja jista' jkollha ħajja dinjituża.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn.