Diffiċli għan-nisa biex jammettu li m’għandhomx familja magħquda – Dr Marceline Naudi

L-attivista għall-ugwaljanza Dr Marceline Naudi qalet li f’Malta ħafna nisa jħossu li l-għan aħħari tagħhom huwa li jżommu familja unita.

Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM Naudi saħqet li jkun diffiċli għal mara biex tammetti li din il-missjoni tkun qed tfalli, u allura l-mara tħoss sens ta’ mistħija.
Qalet li f’riċerka li saret riċentement, instab li għalkemm kien hemm min sab għajnuna mill-Pulizija, kien hemm ukoll nisa li ma nqdewx.
Tkellmet ukoll dwar wieħed mill-ostakli li l-vittmi tal-vjolenza domestika jaffaċċjaw, dak soċjoekonomiku. Qalet li jkun hemm min ikun ilu ma jaħdem minħabba l-abbuż u jkun hemm min jibża’ li jitlef ix-xogħol minħabba l-abbuż stess u l-fatt li jaf ikunu telgħin u neżlin il-Qorti jekk isir rapport.
F’reazzjoni għar-riżultati tal-istudju, Elaine Compagno, vittma tal-vjolenza domestika, qalet li dan juri kif is-sistema ġieli tintuża kontra l-vittma.
Waqt l-istess programm, Compagno u mara oħra tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom mal-vjolenza domestika.
Min ikun jixtieq jagħmel kuntatt mal-għaqda ta' sapport SOAR  jista’ jċempel fuq 2180898 jew jagħfas hawn.
Irġiel li jkunu jridu jfittxu l-għajnuna jistgħu jċemplu lill-Aġenzija Appoġġ fuq 179.