​“Diffiċli għall-plejers biex jirrappurtaw”; “Korruzzjoni minn fuq s’isfel”

It-tkeċċija u s-sospensjoni ta’ futbolers Maltin fl-aħħar sigħat qajmet diversi reazzjonijiet, anke minn dawk li mhumiex daqstant midħla tax-xena sportiva.
Uħud huma saħansitra mħassba dwar is-sistema li ntużat biex dan seħħ, bis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) jgħid li m’hemmx bżonn ta’ provi li ma jħallu l-ebda dubju jekk plejer ikunx wettaq reat, iżda ħtieġa biss li l-bord dixxiplinarju jissodisfa li r-reat ikun sar.
Persuna qalet li huwa faċli li wieħed jikkritika lill-plejers però wieħed irid jifhem li huwa diffiċli ferm li plejer jagħmel rapport kontra xi ħadd, minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż. Dan fid-dawl tal-fatt li waħda mill-akkużi kontra erbgħa mill-plejers hija li huma ma avviċinawx mill-ewwel lill-UEFA biex jirrapportaw attivitajiet li saru bl-iskop li tiġi influwenzata xi partita.

Din qajmet reazzjoni opposta minn dawk li kkritikaw bil-qawwa l-aġir tal-plejers, li fil-fehma tagħhom jitfgħu lill-futbol Malti kollu kemm hu f’dawl ikrah.  Qalu li l-fatt li l-akkużi saru dwar logħbiet li fihom xi plejers kienu lebsin il-flok Nazzjonali, ma jgħin xejn lis-sitwazzjoni.
Oħrajn jidhrilhom li dawn l-aħbarijiet b’rabta mal-futbol juru li l-korruzzjoni f’Malta “hija minn fuq s’isfel daqslikieku kienet xi ħaġa normali”.

X’ġara fil-qosor
Wara investigazzjoni tal-UEFA, żewġ plejers tal-futbol Maltin ġew sospiżi għal għomorhom filwaqt li erba’ plejers oħra ġew sospiżi għal xi xhur. Ieħor inħeles minn kull akkuża. L-investigazzjonijiet bdew wara suspetti li dawn il-plejers kienu involuti fix-xiri tal-logħob.
F’każ separat, il-kowċ ta’ Pembroke Athleta F.C. ingħata sentenza ta' sena ħabs sospiża għal sentejn kif ukoll multa ta’  €1,000 wara li nstab ħati mill-Qorti li pprova ‘jixtri’ żewġ plejers mit-tim ta’ Mosta F.C. 
"Il-Parlament għandu jiddiskuti u japprova l-abbozz ta' liġi dwar il-korruzzjoni fl-isport mingħajr dewmien" – PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Parlament għandu jiddiskuti u japprova l-abbozz ta' liġi dwar il-korruzzjoni fl-isport mingħajr dewmien. 
Fakkar li l-Oppożizzjoni ilha xhur li ddikjarat id-dispożizzjoni tagħha biex dan l-abbozz jiġi kkonfermat.