Differenza ta’ 16.4% bejn paga ta’ mara u ta’ raġel fl-UE

Din is-sena l-Kummissjoni Ewropea qed tfakkar il-European Equal Pay Day fit-2 ta’ Novembru. Id-differenza medja fil-paga bejn in-nisa u l-irġiel hi ta’ 16.4%. Simbolikament, dan ifisser li jekk in-nisa jkomplu jaħdmu mil-lum 2 ta’ Novembru sal-aħħar tas-sena, huma qishom ma jaqilgħu ebda paga sal-aħħar tas-sena meta kkomparat mal-irġiel.
L-għan ta’ din il-ġurnata hi li titqajjem iktar kuxjenza dwar id-differenza fil-pagi u l-konsegwenzi tagħha fit-tul, partikolarment għal kemm penzjoni jkunu intitolati n-nisa u l-irġiel.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwalità sostniet li l-Gvern hu impenjat li jnaqqas id-distakk fil-paga bejn in-nisa u l-irġiel billi jieħu inizjattivi li jinkludu, fost oħrajn, blacklisting ta’ kumpaniji li ma jimxux mar-regoli tal-impjiegi.
Aktar kmieni dan ix-xahar, bi 344 vot favur, 156 vot kontra u bi 68 astensjoni, il-membri tal-Parlament Ewropew approvaw rapport tal-Ewroparlamentari Slovakka Anna Zaborska tal-Partit Popolari Ewropew, li jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi liġijiet ġodda sabiex tonqos l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-membru tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia qalet li wasal iż-żmien li l-awtoritajiet Maltin verament jinfurzaw il-prinċipju li m’għandux ikun hawn diskrepanza fil-paga bejn l-irġiel u n-nisa li jagħmlu l-istess xogħol.