Dieta Mediterranja ‘tnaqqas’ il-proċess tax-xjuħija b’5 snin

Studju fl-Istati Uniti juri li l-anzjani li jimxu mad-dieta veġeterjana Mediterranja jipprevjenu li moħħhom jiċkien, u b’hekk jixjieħ inqas b’ħames snin.
L-istħarriġ sar fost 674 persuna minn Manhattan, bl-età medja ta’ 80 sena u li ma jbatux bid-dimensja.
Instab li l-volum totali tal-moħħ ta’ dawk li mxew fuq dieta Mediterranja hu b’medja ta’ 13.11 millilitru ikbar minn dawk li ma mxewx fuq din id-dieta.
Irriżulta wkoll li min jiekol tal-inqas bejn 3 u 5 uqija ta’ ħut fil-ġimgħa jew mhux aktar minn 3.5 uqija ta’ laħam kuljum, jista’ jkollu biżżejjed protezzjoni biex ma jitlifx ċelloli fil-moħħ.
B’dieta Mediterranja, ir-riċerkaturi fissru ammonti kbar ta’ ħaxix, frott, ċereali u ħut. Tinkludi wkoll ammonti żgħar ta’ laħam, tjur, prodotti ta’ ħalib flimkien ma’ konsum ħafif ta’ alkoħol.