Diċembru 2012: Iktar minn 35,000 titjira mill-Ajruport ta’ Malta

F’Diċembru li għadda, kien hemm ftit iktar minn 35,000 vjaġġ minn Malta lejn pajjiżi oħra.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dan ifisser żieda ta’ 13% fuq l-istess xahar tas-sena 2011.

Il-vjaġġi lejn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ammontaw għal 30,000. Vjaġġi lejn pajjiżi oħra kien hemm 4,400. Kif inhu mistenni, l-iktar titjiriet kienu lejn l-Italja u l-Ingilterra.

L-iktar età komuni tan-nies li siefru kienet bejn il-25 u 44 sena. Warajhom hemm dawk bejn il-45 u l-64 sena. L-iktar li siefru kienu rġiel.

Dejjem skont l-NSO, minn Jannar sa Diċembru tas-sena l-oħra kien hemm mat-331,000 persuna li siefru minn Malta. Vjaġġi lejn l-Italja żdiedu bi 8% filwaqt li lejn l-Ingilterra naqsu bi 2%.