Dibattitu sħun bejn il-qarrejja dwar il-festa nazzjonali

DOI - Jason Borg

Il-qiegħa saħnet fuq il-mezzi soċjali dwar jekk il-festa tal-Indipendenza għandhiex tkun l-unika festa nazzjonali.

Għall-poll dwar is-suġġett, fost il-qarrejja li jsegwu Newsbook.com.mt bil-Malti jew bl-Ingliż, 56% qalu li jaqblu li l-Indipendenza tkun l-unika festa nazzjonali. 42% ma qablux u 2% ma jafux.  Dibattitu sħun segwa fuq il-paġna ta’ Facebook, li f’temp ta’ ftit jiem ra aktar minn 700 kumment.

Dawk li qablu ma’ Jum l-Indipendenza, sostnew li r-raġuni hija sempliċi u loġika, għax dan kien il-jum meta Malta saret nazzjon indipendenti u ma baqgħetx maħkuma mill-kolonja Ingliża. Sostnew li minn din il-ġurnata l-Gvern Malti seta’ jibda jieħu d-deċiżjonijiet għalih innifsu.

Min-naħa l-oħra dawk li opponew irrimarkaw li meta Malta ħadet l-Indipendenza, xorta waħda baqgħet taħt l-Ingliżi u enfasizzaw li wara l-21 ta’ Settembru tal-1964, “il-bandiera Ingliża baqgħet tperper fuq Kastilja għal żmien mhux ħażin”.

Semmew kif meta Malta kisbet l-indipendenza, ir-Reġina xorta kienet baqgħet titqies bħala l-ogħla kap tal-istat, li Malta kienet baqgħet titmexxa minn Gvernatur Ġenerali Ingliż, li l-binjiet li kienu jintużaw mill-Ingliżi baqgħu għandhom, u li kull komunikazzjoni mill-Gvern Malti kien ikollha bżonn rikonoxximent mir-Renju Ingliż.

Jekk mhux l-Indipendenza, liema festa?

Bosta insistew li jekk hemm festa li għandha tiġi meqjusa bħala l-unika jum nazzjonali hija Jum ir-Repubblika. Spjegaw kif dakinhar Malta rat l-ewwel Kap tal-istat u l-ewwel kostituzzjoni li dwarha qablu ż-żewġ naħat tal-Parlament. Sostnew li dan kien wieħed mill-ftit mumenti fejn il-poplu Malti u Għawdxi kien verament magħqud.

Oħrajn jemmnu li l-unika festa nazzjonali għandha tkun il-Vitorja għax hi l-unika festa li tgħaqqad il-poplu mingħajr ebda partiġġjaniżmu.

“L-Indipendenza vera kienet meta Mintoff ġab il-Ħelsien”, jgħid kumment ieħor, filwaqt li qarrejja qalet li l-unika festa nazzjonali għandha tkun Jum l-Immigranti.

Kien hemm min ikkummenta li Malta reġgħet maħkuma: min jgħid li mill-Unjoni Ewropea, u oħrajn jgħidu li minn Gvern Laburista.

Oħrajn insistew li l-ħaddiema jistħoqqilhom aktar festi pubbliċi u mhux jitnaqqsulhom.