Dibattitu f’diversi pajjiżi dwar meta għandhom jiftħu l-knejjes

Madwar diversi pajjiżi fl-Ewropa d-dibattitu dwar meta għandhom jiftħu l-Knejjes u postijiet oħra ta’ qima qiegħed dejjem jirranka. Fil-Ġermanja l-pressjoni li saret minn diversi reliġjonijiet wasslet biex minn nhar il-Ħadd li għadda bdew jiftħu knejjes, moskej u sinagogi. Fl-Italja u fi Franza l-isqfijiet qegħdin jipprotestaw b’mod mqanqal li ġaladarba qed jiftħu n-negozji għadhom jiftħu l-knejjes għall-quddiesa.

Fl-Olanda u fl-Irlanda l-pożizzjoni li qed jieħdu l-knejjes hija differenti. Sadanittant il-Papa Franġisku sejjaħ għal aktar prudenza għall-ġid komuni, fl-Istati Uniti hemm uħud li fetħu jew bexxqu l-bibien.

Fl-Olanda permessi attivitajiet sa 30 ruħ

Filwaqt li l-Gvern Olandiż qiegħed gradwalment jirrilassa l-miżuri meħuda fir-rigward ta’ skejjel u ta’ attivitajiet sportivi (b’ammont ta’ kundizzjonijiet) sal-20 ta’ Mejju mhumiex permessi attivitajiet reliġjużi ta’ aktar minn 30 ruħ.

Il-Prim Ministru Olandiż saħaq li anke jekk ikun hemm tnaqqis fl-għadd ta’ miżuri dawn mhux se japplikaw għall-knejjes. Hekk saħqet Daniëlle Woestenberg, Segretarja tal-Kumitat li jiġbor fih madwar 30 denominazzjoni inkluż il-Knisja Kattolika, qalet li r-raġuni hija s-saħħa pubblika.

“Id-deċiżjoni tal-Gvern,” saħqet Woestenberg, “hi waħda pragmatika mhux minħabba raġunijiet ekonomiċi: L-età medja ta’ dawk li jmorru l-Knisja hi waħda għolja u ħafna drabi huma nies vulnerabbli. Hu ovvju li l-knejjes se jdumu aktar biex jiftħu.”

Fl-Irlanda l-Isqfijiet ma jaqblux li jiftħu l-knejjes

Fl-Irlanda, il-mexxejja tal-knejjes insara, saħqu b’mod kategoriku, “F’dan il-mument mhux għaqli li nerġgħu niftħu l-knejjes b’mod normali għas-servizzi reliġjużi.” Kienu l-mexxejja tal-Knisja Kattolika, Church of Ireland, il-Knisja Metodista Irlandiża, il-Knisja Presbiterjana fl-Irlanda u l-Kunsill tal-Knejjes fl-Irlanda li saħqu dan.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ dawn il-mexxejja qalu li jifhmu x-xewqa tal-kongregazzjonijiet li jiltaqgħu, u faħħru lill-kleru Irlandiż “għal mod kreattiv kif qed jgħin lin-nies titlob permezz tal-pjattaformi diġitali, u għal modi differenti kif qegħdin jagħmlu kuraġġ, permezz tal-Kelma ta’ Alla u t-talb, lill-poplu tiegħu li bħalissa jinsab mifrux.”

“Madankollu,” saħqu dawn il-mexxejja, “nifhmu li biex inkunu komunità fil-veru sens tal-kelma, aħna l-membri rridu nirrikonoxxu li niddependu minn xulxin. Jekk inħobbu lil ta’ madwarna, hu importanti li aħna nħarsu lil xulxin u nkomplu nżommu mal-indikazzjonijiet tal-gvern,” temmew jgħidu l-mexxejja reliġjużi nsara fl-Irlanda.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn