Dibattitu dwar liġi li tipprojbixxi l-abort wara 20 ġimgħa tqala fl-Istati Uniti

Studji xjentifiċi juru li tfal mhux mitwielda, anke ta’ 20 ġimgħa biss iħossu l-uġiegħ u perċentaġġ minnhom, bi trattament tajjeb jistgħu jibqgħu jgħixu anke barra l-ġuf. Il-Moviment Favur il-Ħajja jsostni li dawn is-sinjali ta’ vitalita’ jitolbu li d-drittijiet ta’ dawn it-trabi għandhom ikunu kkunsidrati fid-dibattitu dwar l-abort.
Micah Pickering, twieled qabel iż-żmien ta’ 20 ġimgħa. Għajnejh kienu għadhom magħluqa għal kollox u l-għadam tiegħu kien għadu artab. Għamel erba’ xhur fit-taqsima tal-kura intensiva tat-trabi. Għex u llum hi tifel b’saħħtu ta’ 5 snin u qed jattendi l-Kindergarten.
Danielle Pickering, omm Micah irrakkontat l-istorja tagħha u l-ġlieda biex binha jinżamm ħaj quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana li għada, it-Tlieta se tivvota fuq liġi msejħa “Pain-Capable Unborn Child Protection Act” li għandha l-iskop li tipprojbixxi li jsir abort wara l-20 ġimgħa tat-tqala ħlief f’każi ta’ stupru, inċest jew fejn il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu.
Hu maħsub li fl-Istati Uniti din il-liġi se ssalva l-ħajja ta’ madwar 20,000 kreatura kull sena u fl-istess waqt teduka lill-pubbliku dwar l-umanita’ tat-tarbija mhux mitwielda u tikkonferma x-xjenza li sabet li l-feti jistgħu jħossu uġiegħ anke kmieni fl-iżvilupp tagħhom.
Skont studju mxandar fin-New England Journal of Medicine li kien ikkwotat min-New York Times numru żgħir ta’ trabi li kienu osservati wara li twieldu wara 20 ġimgħa tat-tqala, għexu u ftit li xejn kellhom problemi ta’ saħħa. Studju ieħor, din id-darba mx-Charlotte Lozier Institute wera mhux biss li trabi mhux imwielda jħossu l-uġiegħ imma wkoll juru rispons difensiv meta jsiru proċeduri invażivi fil-ġuf sa minn sitt ġimgħat wara l-fertiliżazzjoni.
“Meta twieled Micah ma kienx jidher qed jieħu nifs u t-tobba qaluli li ma stajtx inmiss il-ġilda tiegħu.  Imma hu kien ħaj u qed jiġġieled għax ried jgħix”, qalet ommu.
Kieku ma kienux l-imħabba kbira u l-eroiżmu tal-ġenituri tiegħu kien ikun vittma oħra tal-kultura tal-abort.
Il-Kamra tad-Deputati Amerikana mistennija tapprova din il-liġi.  Imma tista’ ddum imwaħħla fis-Senat fejn mill-anqas 60 Senatur iridu jagħtu l-kunsens biex tkun diskussa meta fil-fatt hemm anqas minn daqshekk li għandhom kredenzjali li huma “Pro-Life”.