​Dibattitu dwar il-bejgħ tal-Isptarijiet fis-17 ta’ Jannar

Il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra dalgħodu ddeċieda li għandha ssir diskussjoni dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tas-saħħa f’Malta.
Id-dibattitu fil-Parlament se jsir nhar l-Erbgħa 17 ta’ Jannar u se jitratta l-bejgħ tal-isptarijiet ta’ Għawdex, ta’ Karin Grech u ta’ San Luqa.
L-Oppożizzjoni favur dibattitu fil-Plenarja u fil-Kumitat għas-Saħħa
Wara l-laqgħa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li l-Gvern ma tax konferma li lest li ssir diskussjoni fil-Kumitat Permanenti għas-Saħħa dwar il-kuntratt u l-konċessjoni li l-Gvern ta lill-kumpanija Vitals Global Healthcare għall-privatizazzjoni ta’ tliet sptarijiet.
Skont l-Oppożizzjoni, il-Gvern ma jridx diskussjoni fi ħdan dan il-Kumitat “għax  ma jridx li jipparteċipaw l-istakeholders kollha fejn ikunu jistgħu jsiru l-mistoqsijiet relevanti u jingħataw t-tweġibiet dak l-ħin stess kif isir f’kull Kumitat Parlamentari.” Fi stqarrija, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kkonfermat li mhix kontra li jsir ukoll dibattitu fil-Plenarja.
Il-Gvern irid diskussjoni fl-iktar stadju importanti – PL
Intant, il-Partit Laburista qal li d-diskussjoni fil-plenarja hija l-ogħla waħda fil-Parlament Malti.
F’reazzjoni għal dak li qal il-PN, il-PL stqarr li “ma jagħmel l-ebda sens l-argument tal-Oppożizzjoni meta tgħid li l-Gvern irid jevita diskussjoni dwar l-investiment mill-privat fil-qasam tas-saħħa.”
Fi kliem il-PL, id-diskussjoni se ssir fl-iktar stadju importanti u segwit tal-ogħla istituzzjoni ta' Malta. Skont il-PL dan sar “biex filwaqt li hu jkun jista' jispjega għaliex dan l-investiment se jibdel għall-aħjar il-qasam tas-saħħa, l-Oppożizzjoni jkollha ċ-ċans kollu tgħid għaliex kienet u għadha kontra l-proġett.”
Il-bejgħ tal-isptarijiet ifakkar fi skemi ta’ ħasil ta’ flus – Awturi ta’ Malta Ġdida
L-għaqda Awturi ta’ Malta Ġdida qalet li qed issejjaħ għal dibattitu parlamentari pubbliku biex jiġi diskuss il-bejgħ ta’ Vitals Global Healthcare.
Skont l-għaqda, dan il-bejgħ ma kienx jiġi permess issa la ddaħħlet direttiva Ewropea kontra l-ħasil ta’ flus u l-korruzzjoni.
Fi stqarrija, l-għaqda qalet li “jidher li mhux b’kumbinazzjoni li l-Gvern iddeċieda jipposponi din id-direttiva sa wara ma sar dan il-bejgħ. Il-bejgħ ifakkar fi skemi ta’ ħasil ta’ flus”.