​Dibattitu dwar id-dawl qed isir fid-dlam – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li d-diskussjoni fil-Parlament hi dwar id-dawl imma qed issir fid-dlam.
Dan għaliex il-Gvern irrifjuta ripetutament li jippubblika kuntratt li ffirma dwar bejgħ ta’ parti mill-Enemalta.
Saħaq li l-Oppożizzjoni tikkundanna bl-iktar mod qawwi l-imġieba tal-Gvern, in-nuqqas ta’ trasparenza u l-arroganza tal-Gvern “li għalih il-verità mhix fl-interess tal-poplu”.
Reġa’ tenna t-talba tal-PN li l-Gvern jippubblika mingħajr dewmien, il-kuntratti li ffirma u d-dokumenti kollha marbuta magħhom. Spjega li dak li ħareġ il-Gvern kien dokument ta’ 15-il paġna, li sejjaħlu superfiċjali.
Saħaq li fost l-oħrajn, id-dokument ma jispjegax min se jbiegħ l-elettriku lil min u meta se jsiru l-proġetti fosthom il-powerstation il-ġdida. Staqsa wkoll jekk sarx il-ftehim dwar ix-xiri tal-elettriku u jekk sar, għaliex dan ma ġiex ippreżentat fil-Parlament, waqt li staqsa liema Qorti jkollha saħħa f’każ li jkun hemm kwistjoni bejn il-Gvern Malti u dak Ċiniż dwar l-Enemalta.
Qal li xahrejn oħra l-Gvern suppost se jaqta’ ż-żigarella ta’ powerstation ġdida li għadha ma bdietx tinbena. Fl-istess ħin, akkuża lill-Prim Ministru li mhux iwettaq dak li wiegħed u qed iwettaq dak li ma wiegħedx. Insista li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li jitħarsu l-interessi tal-ħaddiema u li dawn jibqgħu jieħdu l-istess paga d-dar li għandhom illum.
Simon Busuttil irrefera għall-waqgħa fil-prezz internazzjonali taż-żejt u qal li l-Gvern ta’ Joseph Muscat hu falliment għax mhux kapaċi jraħħas il-petrol u d-diesel għall-konsumatur Malti. 
Tenna li l-prezz f’Malta hu l-ogħla fl-Ewropa jekk tneħħi t-taxxa, u t-tielet l-ogħla jekk tinkludi t-taxxi. 
Tenna li l-Oppożizzjoni se tieħu kull azzjoni meħtieġa qabel ma l-Gvern jiġi f’sensih u jraħħas il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.
Ħabbar ukoll li l-Oppożizzjoni se tippreżenta mozzjoni oħra bi tweġiba għad-dibattitu tal-lejla.