Dibattitu bejn Bonnici u Delia fuq Newsbook?

Read in English.

Il-Ministru Owen Bonnici se jkun qed jaċċetta l-istedina ta’ Newsbook.com.mt biex jieħu sehem f’dibattitu kontra l-attivist Manuel Delia?

L-istedina saret wara d-deċiżjoni tal-Qorti l-Ħamis li għadda. Manuel Delia rebaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Ministru Owen Bonnici u d-Direttur Ġenerali responsabbli għall-indafa pubblika minħabba t-tneħħija tal-mafkar ta’ protesta għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Manuel Delia diġà aċċetta l-istedina ta’ Newsbook.com.mt. Lest jiġi f’ħin li jkun konvinjenti għall-Ministru.

Il-Ħamis, l-NGO Repubblika ħabbret li rebħet il-kawża tagħha kontra l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici peress li dan instab ħati li kiser id-dritt tal-libertà tal-espressjoni tal-attivisti meta ordna li jitnaddaf il-mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Manuel Delia, f’isem Repubblika, esiġa r-riżenja ta’ Owen Bonnici minn Ministru.

L-għada Bonnici qal li kull deċiżjoni li ħa b’rabta mal-mafkar għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ħadha biex ikun hawn l-għaqda f’Malta, u mhux b’pika.

Il-PM Robert Abela qal lil Newsbook.com.mt li ma jarax għalfejn Bonnici għandu jirreżenja. Żied jgħid li l-messaġġ li ħareġ mill-Qorti huwa li Malta għandha istituzzjonijiet li jaħdmu u qrati li jieħdu deċiżjonijiet indipendentament mill-eżekuttiv.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici kien għadu ma weġibx għall-istedina li saret għad-dibattitu kontra Manuel Delia sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.