“Diana salvatni meta mituli 8 itfal” – omm Ingliża

Omm li kellha tmint itfal li mietu hekk kif twieldu qalet li l-Prinċipessa Diana kienet salvata mid-dipressjoni li kellha u milli tagħmel suwiċidju.

Il-mara, li issa għandha 53 sena, qalet li t-tgħanniq ta’ Diana kien ta’ wens kbir għaliha meta tilfet it-8 uliedha.

Hija kienet kisbet fama madwar id-dinja fl-1996 meta nqabdet tqila bi 8 itfal, li xtrathom wara 24 ġimgħa biss. Hi kellha 6 subien u 2 ibniet. Imma t-tfal, li twieldu f’perjodu ta’ 3 ijiem u ljieli, ma rnexxilhomx isalvaw, u l-omm kellha diqa liema bħalha.

Dak iż-żmien, kienet irċeviet bosta messaġġi ta’ mibegħda talli żammet it-tqala tagħha. Eventwalment, hija waqgħet f’dipressjoni, u bdiet tixrob ħafna.

22 sena wara din it-traġedja, l-omm żvelat kif il-Prinċipessa Diana kienet ikkuntattjatha 5 ġimgħat wara biex tistedinha għall-ikel. Huma ltaqgħu darbtejn f’lukandi f’Londra, fejn Diana offritilha s-sapport tagħha.

“Kienet mara twajba wisq. Kienet tgħannaqni, tagħtini l-appoġġ tagħha u tikkumplimentani,” qalet l-omm. “Grazzi talli ġbidt l-attenzjoni fuqek minflok fuqi fil-midja,” qalet l-omm li kienet qaltilha Diana l-ewwel darba li ltaqgħu.

Minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, hija ma setgħetx tieħu ritratti jew tieħu n-numru ta’ kuntatt tagħha, imma żvelat li Diana wkoll kienet fetħet qalbha magħha. L-omm irrakkuntat kif Diana qaltilha li hi wkoll kienet tbati bid-dipressjoni, u kellmitha dwar Charles u Camilla.