​Di Maria lura f’Madrid?

Skont il-gazzetta Ingliża Daily Mail u dik Spanjola AS, Angel Di Maria tkellem diversi drabi ma’ Diego Simeone dwar ix-xewqa tiegħu li jissieħeb ma’ Atletico Madrid.
L-attakkant Arġentin lagħab ma’ Real Madrid bejn l-2010 u l-2014 u dan il-perijodu rrapreżenta l-aqwa żmien fil-karriera ta’ Di Maria.
Hu kellu staġun diżastruż ma’ Manchester United iżda wara kiseb suċċess fil-kampjonat Franċiż ma’ Paris Saint-Germain, anke jekk Unai Emery ta’ spiss ipprefera lil Kylian Mbappe, Edinson Cavani u Neymar.
Atletico Madrid mhux mistennija jħallsu £44.3 miljun, l-ammont li PSG taw lil Manchester United fl-2016, iżda Simeone żgur ħa jkollu fondi x’jonfoq jekk Barcelona jakkwistaw lil Antoine Griezmann.