“Dħuli, ċajtier u qatt ma jgerger” – Imut Frankie Cortis

“Dħuli, ċajtier u qatt ma jgerger” – Hekk iddeskrivew lil Frankie Cortis il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza fejn għex ħafna minn ħajtu wara l-mewt ta’ ommu.

Id-Dar tal-Providenza ħabbret il-mewt ta’ Frankie Cortis filwaqt li qalet li kien bniedem dħuli, ċajtier, qatt ma jgerger, prudenti u maħbub minn kulħadd.

Id-delizzju tiegħu kien li jisma’ l-marċi allegri hekk kif kellu devozzjoni kbira lejn San Ġużepp.

L-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina wkoll sellmet il-memorja ta’ Frankie u qalet li kienet l-hena tiegħu jisma n-noti u l-kliem tal-Innu ta’ San Ġużepp kemm fil-knisja u kemm mill-Banda L’Isle Adam li tant kienet għall-qalbu. L-ammirazzjoni lejn San Ġużepp kienet tispikka wkoll fil-kamra tiegħu fejn kellu diversi statwi tiegħu. Kull sena kien imur għall-Festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat.

Fl-2015 kien iltaqa’ mal-Papa Franġisku f’udjenza privata fil-Vatikan meta d-Dar tal-Provdienza kienet qed tiċċelebra l-50 sena mit-twaqqif tagħha.

Id-Dar tal-Providenza qalet li ironikament l-aħħar xewqa tiegħu kienet li meta jmut issirlu l-quddiesa fil-Knisja ta’ Ġieżu u li l-Banda l-Isle Adam tar-Rabat takkumpanjaħ b’marċi allegri saċ-ċimiterju għax kien jgħid: “Dakinhar inkun fejn il-Mulej.” Kellu jmut propju f’dan iż-żmien li dan ma jistax ikun possibbli.