Dħul fis-seħħ ta’ multi għal min jabbuża mill-‘blue badge’

Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità -Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità ħabbru id-dħul fis-seħħ ta’ multi eħrex għal min jabbuża mill-blue badge.
Wara li l-Kamra tar-Rappreżentanti għaddiet l-Att li jipprovdi Konċessjonijiet ta’ Parkeġġjar għal Persuni b’Diżabilità, mill-bieraħ daħlu fis-seħħ multi għal min jabbuża mill-Karta ta’ Parkeġġ għal Persuni b’Diżabilità, magħrufa aħjar bħala l-blue badge.
Kull min jinqabad juża l-blue badge mingħajr ma jkun intitolat għaliha, jiffalsifikha, jew iħajjar lil xi ħadd biex jużaha b’mod mhux xieraq, jista’ jeħel multa ta’ mhux inqas minn €230 u mhux aktar minn €500 flimkien mal-irmonk tal-vettura.
Jekk persuna tinstab ħatja għat-tieni darba taħt din il-liġi, il-persuna tista’ teħel multa ta’ mhux anqas minn €1,000 u mhux aktar minn €1,500, u l-irmonk tal-vettura.
L-istess Att jipprovdi għal kontrolli aktar stretti fuq l-għoti tal-blue badge fejn din ser tibda tingħata wara li l-applikant jiġi eżaminat minn bord magħmlu minn tliet professjonisti fil-qasam tas-saħħa.