Dħul b’xejn f’żewġ mużewijiet f’Jum il-Vitorja

Heritage Malta se tiftaħ żewġ mużewijiet b’xejn għall-pubbliku f’Jum il-Vitorja filwaqt li żewġ siti oħra se jkunu miftuħa b’nofs prezz.

Il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra u l-Mużew Marittimu ta’ Malta se jkunu miftuħa b’xejn bejn id-9am u l-5pm.

Id-dħul fl-Armerija tal-Palazz tal-President u s-Swali Statali se jkun b’nofs prezz.

Il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fin-naħa t’isfel tal-Forti Sant’Iermu jirrakonta l-istorja ta’ dak illi wassal għaż-żewġ gwerrer, l-iżvilupp tagħhom u l-azzjonijiet prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi tagħhom kemm lokalment kif ukoll barra.

Il-mużew jagħti attenzjoni speċjali lir-rwol ta’ Malta fil-gwerra u l-kontribuzzjoni tal-popolazzjoni Maltija speċjalment fil-kundizzjonijiet estremament diffiċli tal-1942.

Il-Mużew Marittimu ta’ Malta jirrakonta l-istorja marittima tal-baħar Mediterran u għandu numru kbir ta’ oġġetti minn epoki differenti.

L-Armerija tal-Palazz hija waħda mill-ikbar kollezzjonijiet li jinstabu fil-binja oriġinali tagħhom u hi meqjusa bħala waħda mill-monumenti storiċi l-iktar importanti tal-kultura Ewropeja.

Is-Swali Statali huma ġawhra tal-Palazz Presidenzjali u ikona fiċ-ċentru tal-Belt Valletta li huwa sit ta’ wirt dinji.

Għall-iktar informazzjoni dwar dinl-inizzjattiva u oħrajn simili fix-xhur li ġejjin wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org