Dħul akbar mit-taxxi għall-Ġermanja

Grazzi għal tkabbir ekonomiku akbar minn dak mistenni, il-Ġermanja qed tistma li se tkun qed iddaħħal mat-63 biljun ewro aktar mit-taxxi fl-erba’ snin li jmiss minn dak previst oriġinarjament. Dan għandu jżid il-pressjoni fuq Angela Merkel biex isaħħaħ sostanzjalment l-investiment if-difiża, fost l-oħrajn mill-President Amerikan Donald Trump li qed issejjaħ lill-Ġermanja biex tikkonforma mal-impenn tan-NATO li tonfoq 2% tal-Prodott Gross Domestiku fuq id-difiża. Fil-preżent, dan il-baġit ma jaqbiżx il-1.3%.
Iżda l-Ministru tal-Finanzi Olaf Scholz saħaq li l-priorità minn dan id-dħul addizzjonali se tkun tnaqqis ta’ taxxi għal dawk bi dħul baxx u medju, il-ħolqien ta’ fond biex jissaħħaħ l-aċċess diġitali fl-iskejjel, l-espansjoni tal-broadband Internet fil-pajjiż b’mod partikolari fil-qasam tal-5G u baġits akbar għar-reġjuni u l-bliet tal-pajjiż.
Il-Gvern Ġermaniż qed jipprevedi li l-ekonomija se tikber b’2.3% din is-sena u 2.1% is-sena d-dieħla. Dan qed iwassal għaż żieda fil-pagi (din is-sena d-dħul tal-ħaddiema mistenni jiżdied b’aktar minn 4%) fattur li imbagħad iwassal għal dħul aktar mi-taxxi.
Iżda l-istess Scholz spjega li m’hemm xejn li jiggarantixxi li dan it-tkabbir se jkompli għaddej u hu għalhekk li l-Gvern irid ikun għaqli fil-mod li jonfoq id-dħul addizzjonali. Huwa fakkar kif id-dinja qed issir post aktar instabbli, b’referenza partikolari għall-irtirar tal-Istati Uniti mill-programm nukleari tal-Iran u t-tensjonijiet fil-kummerċ globali.
 
GM b’kwartieri fil-Korea t’Isfel
Il-kumpanija General Motors qablet li tiftaħ kwartieri ġodda għall-Ażja-Paċifiku fil-Korea t’Isfel, b’turija ta’ impenn mill-kumpanija Amerikana fil-pajjiż. Fil-ftehim milħuq mal-Gvern Korean, GM qablet li tixtri aktar parts minn fornituri Koreani anke għall-fabbriki barra l-pajjiż. Fil-preżent, GM tonfoq madwar 1.85 biljun dollaru għal dan l-għan.
Min-naħa l-oħra, il-Korea t’Isfel se tipprovdi finanzjament lil fornituri lokali tal-GM għall-iżvilupp ta’ parts għal karozzi elettriċi u karozzi li jinstaqsu waħidhom, kif ukoll parts oħra kruċjali għal vetturi. Il-Gvern tal-Korea t’Isfel ma kkonfermax l-ammont ta’ dan l-appoġġ iżda hu stmat li dan se jiswa għexieren ta’ miljuni ta’ dollari.
Din kienet aħbar importanti għall-pajjiż wara li sa ftit xhur ilu kien hemm xniegħat ta’ falliment. Fattur importanti li salva l-kumpanija kien ftehim importanti mal-union fuq il-pagi u l-benefiċċji u finanzjament ta’ 750 miljun dollaru mill-Bank ta’ Żvilupp Korean, li huwa mmexxi mill-Istat.
Il-kwartieri l-ġodda se jkunu responsabbli għal produzzjoni, bejgħ u żvilupp tat-teknoloġija għall-pajjiżi kollha tal-Ażja-Paċifiku. Dan jeskludi ċ-Ċina, iżda jinkludi l-Awstralja, l-Indja u t-Tajlandja. Fil-preżent, l-GM qed tmexxi l-operat f’dan ir-reġjun mill-uffiċċji internazzjonali li għandha f’Singapor.
Fis-snin li għaddew, GM waqqfet il-manifattura fl-Awstralja u l-Indoneżja, u wettqet ristrutturazzjonijiet kbar fl-Indja u l-Afrika t’Isfel. Is-sena li għaddiet GM għalqet ukoll waħda mill-erba’ fabbriki fil-Korea, b’telf ta’ kważi 3000 post tax-xogħol.
Jogħla l-prezz taż-żejt
Il-prezzijiet taż-żejt telgħu fl-ogħla livell fl-aħħar sentejn wara li l-kummerċjanti taż-żejt aġġustaw il-prospetti ta’ sanzjonijiet fil-konfront tal-Iran, li huwa esportatur ewlieni taż-żejt.  Filfatt, l-Istati Uniti qed tippjana li timponi sanzjonijiet ġodda kontra l-Iran, li jipproduċi madwar 4% tal-provvista globali, wara li abbandunat ftehim milħuq fl-2015 li jillimita l-ambizzjonijiet nukleari tal-pajjiż.
Dan wassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet taż-żejt. Għalkemm il-prezzijiet illum huma ferm anqas dawk tal-bidu ta’ dan id-deċenju, meta kienu laħqu anke 130 dollaru, iżda fil-livell ta’ 77 dollaru kull barmil, huma l-ogħla minn Novembru 2014, żieda ta’ aktar minn 4% fl-aħħar jiem.
Skont il-kumpanija ta’ konsulenza fuq l-enerġija FGE, minkejja li l-Ewropej u ċ-Ċiniżi jidher ma xtaqux dawn is-sanzjonijiet, ma jidhrux intenzjonati li jiġġielduhom. Il-kumpanija qalet li ma teskludix li prezz taż-żejt li javviċina l-100 dollaru l-barmil fil-futur qarib.  Goldman Sachs jemmen li, b’konsiderazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet iżda wkoll instabbilità f’reġjuni oħra fosthom il-Venezwela, sas-Sajf il-prezz se jaqbeż it-80 dollaru l-barmil.
L-unika fatturi li jistgħu jirrestrinġu din iż-żieda hija l-produzzjoni akbar mill-Istati Uniti. Il-ġimgħa li għaddiet l-Istati Uniti rreġistrat rekord ta’ produzzjoni, b’medja ta’ 10.7 miljun barmil kuljum, żieda ta’ 25% fuq l-istess perjodu sentejn ilu, biex b’hekk issa kważi laħqet lir-Russja, li bi ftit aktar minn 11-il miljun hija l-akbar produttur fid-dinja.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment