DHL Express se jibagħtu Malti għal preżentazzjoni waqt it-Tazza tad-Dinja tar-Rugby

DHL Express, li se jisponsorjaw il-vjaġġ bl-ispejjeż kollha mħallsa għat-tifel jew tifla ta’ bejn it-8 snin u l-15-il sena, flimkien ma’ ġenitur jew kustodju, qed jaħdmu mal-Malta Rugby Football Union (MRFU) biex jorganizzaw kompetizzjoni biex jintagħżel ir-rebbieħ/a minn Malta jew Għawdex li se jattendi għat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby (RWC-2015), li se ssir fir-Renju Unit bejn it-18 ta’ Settembru u l-31 ta’ Ottubru.
Joseph Borda, Ċermen tal-Kumitat taż-Żgħażagħ tal-MRFU, qal li “aħna fl-MRFU kburin ħafna li ntgħażilna biex nieħdu sehem f’dan l-avveniment waqt it-Tazza tad-Dinja. Biex ikollhom ċans biex jintgħażlu tfal minn Malta u Għawdex huma mistiedna jirreġistraw u jattendu għal taħriġ kull ġimgħa. Dawn is-sessjonijiet isiru fil-kamp ta’ taħriġ tal-MRFU il-Marsa kull nhar ta’ Ħadd fid-9.30 a.m.
“Dawk kollha li jattendu dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ, li huma miftuħa għal kulħadd, se jieħdu sehem f’turnament fl-20 ta’ Marzu. Ir-rappreżentant/a ta’ Malta jintgħażel waqt dan it-turnament. L-isem tar-rebbieħ/a jitħabbar waqt l-intervall f’nofs il-logħba internazzjonali bejn Malta u l-Isvizzera li se ssir fil-grawnd tal-Hibs fil-25 ta’ April.”
Charles Schiavone, DHL Express Country Manager, Malta, qal li “DHL qegħdin jagħtu din l-opportunità ta’ darba fil-ħajja lil tifel jew tifla minn Malta flimkien mal-ġenitur jew kustodju. Dan se jfisser titjiriet lejn u mill-Ingilterra, il-vjaġġ lejn u mill-belt ta’ Leeds, żewġ biljetti għal-logħba u akkomodazzjoni għal żewġt iljieli ma’ familja lokali tad-DHL.
“It-tifel jew tifla ser jirċievi ukoll kit uffiċjali ta’ DHL marbut mar-RWC, fosthom uniformi u ballun tar-rugby, flimkien ma’ rigal ta’ ringrazzjament – ritratt tal-mument ta’ kunsinna tal-ballun tal-logħba bħala tifkira. Dan hu mod tajjeb ħafna kif nistgħu nħajru lil tfal f’Malta u Għawdex biex jilagħbu r-rugby u nistennew bil-ħerqa biex naħdmu mal-MRFU fuq din l-inizjattiva unika.”
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.