“Dħalna fl-aktar fażi perikoluża” kif ħabbar espert ma’ Newsbook

X’jista’ jkollna għada?

mask take care covid
Photo by Chris Barbalis on Unsplash

Il-Professur tal-Matematika Josef Lauri t-Tlieta qal ma’ Newsbook.com.mt li “jista’ jkun li deħlin fl-aktar fażi perikoluża tal-pandemija”. Iċ-ċifri li ħarġu minn nhar it-Tlieta juru li l-previżjoni tal-professur kienet korretta għal kollox.

Fl-aħħar erbat ijiem Malta rreġistrat 824 każ ġdid, l-R-factor reġa’ tela’ għal 1.5, u l-kalkoli juru li l-Ħadd aktarx nerġgħu naqbżu l-200.

Prof. Lauri jżid jgħid li mhux kollox hu ikrah. Huwa jilqa’ l-bidu tal-programm ta’ tilqim waqt li jappella lil kulħadd biex jibqa’ viġilanti waqt li tibqa’ tintlibes il-maskra.

L-akkademiku ilu xhur jistudja l-andament tal-pandemija u juża mudelli matematiċi xjentifiċi biex jagħti lill-qarrejja ta’ Newsbook.com.mt indikazzjoni ta’ kif jista’ jikber l-għadd ta’ persuni infettati.

L-hekk imsejjaħ R-factor huwa mod kif jiġi kkalkulat it-tixrid tal-Covid-19 billi juri kemm x’aktarx jinfetta nies bniedem li jkollu l-virus. L-esperti jqisu li R-factor akbar minn 1 huwa perikoluż għax ikabbar ħafna t-tixrid tal-virus.

Newsbook: Taħseb li kont pessimista meta nhar it-Tlieta ħabbart li aktarx konna deħlin fl-aktar fażi perikoluża tal-pandemija?

Prof. Lauri: Jiġġudika ħaddieħor iżda qis biss dan: L-Erbgħa u l-Ħamis kellna l-akbar għadd ta’ każi ġodda f’jumejn, jiġifieri kellna 388. Imbagħad il-Ġimgħa u s-Sibt kellna rekord ġdid. Kellna 436 każi f’jumejn. Fl-erbat ijiem li bdew fit-2 ta’ Jannar kien hemm 476, waqt li fl-erbat ijiem ta’ wara kellna 824.

Naħseb li ċ-ċifri jitkellmu waħedhom.  L-epicurve qed turi l-akbar livelli ta’ każi minn mindu bdiet il-pandemija.

Newsbook: Kemm qiegħed l-R-Factor bħalissa?

Prof. Lauri: Huwa stmat li l-R-factor huwa ta’ 1.5, jiġifieri l-għola li kien f’madwar dawn l-aħħar 70 ġurnata.

Newsbook: Jekk din it-tendenza tkompli, kemm, skont il-mudell matematiku, jista’ jkun li jkollna l-Ħadd?

Prof. Lauri:  L-indikazzjonijiet li joħorġu juru li hemm ċans li l-Ħadd l-għadd ta’ każi attivi bejn wieħed u ieħor ikun ta’ xi 2,258. L-għadd ta’ każi ġodda għall-Ħadd jista’ jkun li jerġgħu jaqbżu l-200.

Picture3-Covid-19-Graph-Prof.Lauri-9Jan2021

Newsbook: Minn dak li tosserva taħseb li kollox hu negattiv?

Prof. Lauri: Le. Jidher li t-tilqim bil-vaċċin qed ikun aċċellerat. Barra minn hekk dalwaqt se jkun hemm disponibbli vaċċini oħrajn. Barra li t-tilqim b’dawn se jkun eħfef se jżidu mal-vaċċini li diġà għandna u jħaffu l-proċess ta’ tilqim. Wieħed jittama wkoll illi ż-żieda fin-numri li qed nirreġistraw hija minħabba t-traskuraġni li wrew ħafna fi żmien il-Milied u mhux għax għandna xi invażjoni mill-varjant. Għalhekk huwa essenzjali li kulħadd ikun viġilanti u tibqa’ tintlibes il-maskra!