Dgħajsa tieħu n-nar ġo garaxx f’Ħaż-Żabbar; 2 irġiel l-isptar

Luke Zerafa

Żewġ irġiel ittieħdu l-isptar b’emerġenza lbieraħ wara li bdiet taqbad dgħajsa li kienet ġo garaxx f’Ħaż-Żabbar.

Ilbieraħ, fl-3.45pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm xi nirien ġo garaxx fi Triq iż-Żingla.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn irriżulta li żewġ irġiel, wieħed ta’ 27 sena residenti Marsaskala u l-ieħor ta’ 20 sena residenti Ħaż-Żabbar, sofrew xi ġrieħi kkawżati minn ħruq li beda minn dgħajsa li kienet fil-garaxx.

Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu.

Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza, fejn aktar tard ir-raġel ta’ 27 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa filwaqt li r-raġel ta’ 20 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.