Dgħajsa bit-turisti tieħu n-nar f’Londra

Madwar 30 persuna kellhom jiġu salvati mix-xmara Thames wara li d-dgħajsa li kienu fuqha ħadet in-nar viċin il-pont Lambeth fiċ-ċentru ta’ Londra.

Il-passieġiera kienu sfurzati jaqbżu minn fuq id-dgħajsa biex ikunu salvati minn dgħajjes oħra li kienu fil-viċin, wara li n-nar ħa f’salt.

Għalkemm jidher li ħadd ma weġġa gravi, omm u t-tifel tagħha kellhom jittieħdu l-isptar wara li belgħu xi dħaħen u oħrajn qed isofru minn xokk.

Id-dgħajsa ttellgħat mill-baħar ftit tal-ħin wara l-inċident u nfetħet inkjesta biex ikun magħruf x’wassal biex id-dgħajsa tieħu n-nar.

Dan kien it-tielet inċident li seħħ f’Inglilterra din is-sena li fih kienet involuta dgħajsa li ddawwar lit-turisti fix-xmajjar. L-iktar każ riċenti seħħ f’Ġunju li għadda meta 22 persuna ttieħdu l-isptar wara li d-dgħajsa li kienu fuqha għerqet fi xmara ġewwa Liverpool.