Dgħajjes ta’ Kemmuna: Prezzijiet jistgħu jirduppjaw

Il-prezzijiet għall-vjaġġi lejn Kemmuna jistgħu jirduppjaw hekk kif fid-dokument propost li l-Awtorità mistennija tiffirma mal-operatur magħżul il-prezzijiet massimi huma d-doppju tal-prezz li bħalissa jużaw l-operaturi eżistenti.

Fuq is-sit tal-koperattiva li bħalissa topera servizz lejn Kemmuna, il-prezz bir-ritorn bejn iċ-Ċirkewwa lejn Kemmuna jiswa €13 għall-adulti u €6.50 għat-tfal. Dan filwaqt li fid-dokument ta’ konċessjoni għal 15-il sena, l-Awtorità stabilixxiet li l-prezz għal vjaġġ wieħed jista’ jkun sa massimu ta’ €13 għall-adulti, €6.50 għat-tfal u €3 għal persuni bil-Kartanzjan.

Il-prezz li jidher fuq is-sit tal-koperattiva li bħalissa topera d-dgħajes ta’ Kemmuna

Dan il-prezz massimu se jkun maqbul mal-operatur magħżul u jista’ jerġa’ jogħla wara 5 snin b’approvazzjoni minn Transport Malta.

L-operatur magħżul qed jintalab ukoll li jkollu minimu ta’ 20 vjaġġ fl-iskeda tas-sajf u minn tal-inqas 15-il vjaġġ fl-iskeda tax-xitwa.

Prezzijiet massimi stabbiliti minn Transport Malta għall-operatur li se jirbaħ il-konċessjoni ta’ 15-il sena.

Transport Malta tikkonferma monopolju fir-rotot ewlenin lejn Kemmuna

Transport Malta kkonfermat li se tkun qed tagħti konċessjoni ta’ 15-il sena fuq ir-rotot miċ-Ċirkewwa u l-Marfa lejn il-bajjiet ta’ Blue Laboon u Santa Marija f’Kemmuna. Dan b’riżultat li dawn ir-rotot se jingħataw lil operatur wieħed għal 15-il sena u b’hekk ikun hemm monopolju.

Dan ikkonfermatu Transport Malta fi kjarifika li ħarġet ftit wara li Newsbook.com.mt żvela kif l-operaturi kienu ġew imwiegħda mod iżda sar mod ieħor.

AQRA: Dgħajjes ta’ Kemmuna: Imwiegħda mod u se jsir mod ieħor