Dgħajjes ta’ Kemmuna: Imwiegħda mod u se jsir mod ieħor

Comino-Ferries-Kemmuna

Il-futur tas-sidien li bħalissa jħaddmu s-servizz tad-dgħajjes miċ-Ċirkewwa lejn Kemmuna jinsab inċert minħabba li bħalissa għaddejja sejħa għal proposti biex Transport Malta tagħti konċessjoni ta’ 15-il sena lil operatur wieħed.

Wieħed mill-operaturi tad-dgħajjes lejn Kemmuna qal ma’ Newsbook.com.mt li ġie mwiegħed li x-xogħol tagħhom ma kienx se jintmess. Fil-fatt, anki mal-ġurnal The Malta Independent, kelliem għal Transport Malta kien ikkwotat jgħid li s-servizz pubbliku b’konċessjoni ta’ 15-il sena ma kienx se jieħu post is-servizz eżistenti iżda kien se “jikkumplimentah”.

Esklussiv jew jikkumplimenta s-servizz eżistenti?

Fi dritt ta’ kjarifika sottomess lill-Gvern permezz tal-pjattaforma E-tenders, l-Awtorità ġiet mistoqsija tiċċara x’se jkun jinvolvi dan il-ftehim ta’ konċessjoni. Fit-tweġiba ntqal li s-servizz għal operatur pubbliku se jingħata bi “drittijiet esklussivi” għar-rotta u l-magni tal-biljetti. Dan ifisser li l-operaturi li ma jiġux magħżula mill-Awtorità la jistgħu joperaw id-dgħajjes lejn Kemmuna u lanqas jistgħu jużaw il-faċilitajiet ġodda tal-irmiġġ la f’Kemmuna u lanqas fiċ-Ċirkewwa. B’hekk dan se jkun ifisser monopolu minn operatur wieħed għal 15-il sena fuq dawn ir-rotot.

Ir-rotot imsemmija huma dawk mill-Marfa u ċ-Ċirkewwa lejn Kemmuna fi Blue Lagoon u fil-Bajja ta’ Santa Marija.

Il-kelliem ta’ Transport Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li “dan is-servizz se jkun qed jiżdied ma’ dawk li ġa hemm bħalissa”. Fisser kif is-servizz il-ġdid se jopera minn mollijiet stabbiliti u l-Awtorità se tipprovdi faċilitajiet minn fejn l-operatur ibigħ il-biljetti.

Mitlub jiċċara kif is-servizz se jkun qed jiżdied ma’ dawk eżistenti filwaqt li fl-istess ħin se jingħataw “drittijiet esklussivi” lil operatur wieħed għal 15-il sena, il-kelliem ta’ Transport Malta qal li l-esklussività tgħodd għar-rotot bejn il-Marfa, Ċirkewwa, Blue Lagoon u l-bajja ta’ Santa Marija.

Il-mollijiet jista’ jużahom kulħadd

Il-kelliem kompla jgħid li l-operatur magħżul mhux se jkollu l-esklussività fuq l-użu tal-mollijiet u b’hekk jistgħu jużawhom operaturi oħra li jkunu ġejjin minn rotot differenti. Spjega li l-operaturi eżistenti l-oħra jistgħu joperaw minn u lejn Kemmuna fuq rotot oħra. Postijiet oħra li bħalissa joperaw dgħajes lejn Kemmuna huma minn Ħondoq f’Għawdex u minn Buġibba u Tas-Sliema f’Malta.

Is-sejħa għall-proposti ġiet posposta għat-Tlieta 2 ta’ Lulju.