Dgħajjes f’Kemmuna: Transport Malta se tipposponi l-ftehim

Transport Malta ħabbret li qed tipposponi l-ftehim li sar mal-kumpanija magħżula biex waħedha topera s-servizz tal-passiġġieri lejn Kemmuna.

Fi stqarrija, l-awtorità tal-Gvern ħabbret li fiż-żmien li ġej se tkun qed tikkomunika d-deċiżjoni ta’ reviżjoni fuq l-ittra li ntbagħtet lill-operaturi mingħajr ma tat l-ebda data dwar meta se jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda.

Bir-regolamenti l-ġodda, l-operaturi li ma daħlux fil-ftehim kien se jkollhom diffikultà biex jużaw il-mollijiet kemm f’Kemmuna mill-Bajja ta’ San Marija u Blue Lagoon kif ukoll mill-mollijiet miż-żona sħiħa tat-Tramuntana ta’ Malta miċ-Ċirkewwa sal-Marfa. Dan minħabba li l-kuntratt tal-Gvern ma’ Comino Ferries Co-Op Limited, li hija l-kumpanija li rebħet il-konċessjoni għal 15-il sena, kien se jkollha prijorità biex ittella’ l-passiġġieri minn dawn il-mollijiet.

Il-ftehim kellu jidħol fis-seħħ minn għada u kellu jorbot lill-kumpanija magħżula biex tħallas mas-€37,000 fis-sena.

Transport Malta qalet li d-deċiżjoni li tipposponi b’mod temporanju ħaditha wara konsultazzjoni mal-kumpanija magħżula u “ma’ operaturi oħra”. L-Awtorità qalet ukoll li se tkun qed “tikkunsidra u tevalwa l-aspetti kollha ta’ dan is-servizz, fosthom l-aspett operattiv u l-faċilitajiet ta’ imbarkar”.

Fil-jumejn li għaddew, l-operaturi li ma daħlux f’dan il-ftehim għamlu żewġ azzjonijiet legali, l-ewwel b’mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti u lbieraħ permezz ta’ applikazzjoni quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi biex jiġi mħassar il-kuntratt.

Newsbook.com.mt kien żvela li bis-sejħa għall-proposti li saret fis-sajf li għadda, il-prezz tal-biljetti lejn Kemmuna jista’ jirdoppja.

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, il-GTA, qalet li b’dan il-ftehim mal-Gvern qed isir monopolju u diskriminazzjoni bejn l-operaturi.