Dgħajjes f’Kemmuna: Operaturi jridu li jitħassar il-kuntratt

Comino ferries

Read in English.

Jumejn qabel jidħol fis-seħħ il-ftehim li l-Gvern għamel ma’ kumpanija waħda għall-vjaġġi lejn Kemmuna, operaturi oħra li ma daħlux f’dan il-ftehim talbu lill-Bord ta’ Reviżjoni dwar il-Kuntratti Pubbliċi biex jitħassar il-kuntratt.

Il-każ quddiem dan il-bord infetaħ kontra Transport Malta, li hija l-awtorità tal-Gvern u kontra Comino Ferries Co-Op Limited li hija l-kumpanija li rebħet il-konċessjoni għal 15-il sena biex topera waħedha s-servizz ta’ passiġġieri lejn Kemmuna.

L-avukati tal-operaturi qalu li l-Gvern kiser il-liġijiet Maltin u Ewropej fil-proċess biex ingħatat il-konċessjoni ta’ 15-il sena lil din il-kooperattiva li tinkludi wkoll lill-kumpanija Captain Morgan.

Huma qed jargumentaw li s-sejħa għall-proposti li saret fis-sajf li għadda għandha tiġi ddikjarata ineffettiva minħabba li bħala partijiet interessati f’dan il-ftehim, Transport Malta kisret il-proċedura ta’ kif tikkonsulta magħhom.

L-applikazzjoni ġiet iffirmata mill-avukati Jonathan Mintoff u Larry Formosa.

Dwar dan il-ftehim, Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru iżda ma kienitx waslet risposta sal-ħin tal-pubblikazzjoni.

Newsbook.com.mt kien żvela kif b’dan il-ftehim, il-biljetti għall-passiġġieri jistgħu jirduppjaw.

Ilbieraħ ġie żvelat ukoll kif il-kumpanija se tħallas €37,000 fis-sena biex ikollha prijorità fl-użu tal-mollijiet, kemm f’Kemmuna mill-Bajja ta’ San Marija u Blue Lagoon kif ukoll mill-mollijiet miż-żona sħiħa tat-Tramuntana ta’ Malta miċ-Ċirkewwa sal-Marfa.

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, il-GTA, qalet li b’dan il-ftehim mal-Gvern qed isir monopolju u diskriminazzjoni bejn l-operaturi.

Ilbieraħ, operaturi oħra għamlu azzjoni legali biex permezz ta’ mandat ta’ inibizzjoni jwaqqfu l-istess ftehim tal-Gvern. Il-każ fil-Qorti se jinstema’ għada.