Dgħajjes f’Kemmuna: L-UE qed tinvestiga

Il-Kummissjoni Ewropea qed tinvestiga l-konċessjoni mogħtija mill-Gvern lil kumpanija waħda biex topera s-servizz bi skeda għall-passiġġieri lejn Kemmuna għal 15-il sena.

Newsbook.com.mt talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga dan il-ftehim wara li din il-kontroversja ġabet reazzjoni minn għadd ta’ operaturi oħra tad-dgħajjes f’Kemmuna li uħud minnhom ilhom joperaw dan is-servizz għal dawn l-aħħar għoxrin sena.

Transport Malta ssospendiet il-konċessjoni b’mod temporanju wara li l-operaturi l-oħra fetħu kawża legali quddiem il-Qorti Maltija kontra l-awtorità u kontra Comino Ferries Co-Op Limited.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li wara t-talba tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni qed jinvestiga l-każ u mistenni jitlob aktar informazzjoni lill-Gvern Malti dwar dan il-ftehim.

L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni qed tinvestiga

Dan il-każ qed jiġi investigat mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur (MCCAA). Kelliema għall-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni qalet li l-uffiċċju rċieva lment u saret laqgħa ma’ dawn l-operaturi. Stqarret li l-liġi dwar il-kompetizzjoni tipprojbixxi ftehim li jxekkel jew iwaqqaf il-kompetizzjoni jew abbuż minn pożizzjoni għolja fis-suq. Qalet ukoll li jekk jinstab li nkisru l-liġijiet Maltin jew Ewropej tkun il-Qorti li tiddeċiedi jekk l-operaturi sofrewx danni kawża ta’ dan il-ksur u jkollhom id-dritt li jitolbu kumpens.

Hija ma setgħetx tagħti ħjiel ta’ meta se titlesta l-investigazzjoni għax qalet li dan jiddependi mill-kumplessità tal-każ.

L-azzjonijiet legali saru l-ewwel b’mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti u imbagħad permezz ta’ applikazzjoni quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi biex jiġi mħassar il-kuntratt.

Il-ġimgħa li għaddiet, id-diskussjonijiet li saru bejn l-operaturi tad-dgħajjes lejn Kemmuna u l-awtorità tal-Gvern Transport Malta fallew minkejja tentattiv li sar biex jintlaħaq ftehim barra l-Qorti għaldaqstant se tkun il-Qorti li tiddeċiedi.

Kien Newsbook.com.mt li s-sajt li għadda żvela kif il-futur tas-sidien li bħalissa jħaddmu s-servizz tad-dgħajjes miċ-Ċirkewwa lejn Kemmuna huwa inċert minħabba li Transport Malta ħarġet is-sejħa għall-proposti biex tagħti konċessjoni ta’ 15-il sena lil operatur wieħed.