Dgħajjes f’Kemmuna: L-operaturi jingħaqdu mal-Kamra tal-SMEs

Grupp ta’ operaturi li fl-aħħar ġimgħat ġew mgħarrfa li ma jistgħux ikomplu joperaw bis-servizz normali lejn Kemmuna daħlu membri tal-Kamra Maltija tal-SMEs biex tirrappreżentahom b’mod formali.

Fi stqarrija, l-Kamra tal-SMEs qalet li l-operaturi daħlu f’din l-unjin minħabba l-iżviluppi serji li ġraw riċentament li “qed jheddu l-għajxien tagħhom”.

Newsbook.com.mt talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga dan il-ftehim wara li din il-kontroversja ġabet reazzjoni minn għadd ta’ operaturi oħra tad-dgħajjes f’Kemmuna li uħud minnhom ilhom joperaw dan is-servizz għal dawn l-aħħar għoxrin sena.

Il-Kamra qed titlob lil dawk kollha responsabbli biex jerfgħu r-responsabbiltà tal-azzjonijiet tagħhom. Dan minħabba li kif spjegat fl-istqarrija, il-mod kif imxiet Transport Malta jista’ jkun kiser il-liġijiet u l-proċeduri stabbiliti. Il-Kamra infurmat lil Transport Malta, lill-Ministru għat-Trasport Ian Borg u lill-Prim Ministru Robert Abela li se tkun qed tirrappreżentahom.

Dwar il-laqgħa li l-operaturi kellhom ma’ rappreżentanti tal-Kamra tal-SMEs intqal li l-operaturi ħassuhom traduti li l-indikazzjonijiet mogħtija lilhom mill-Gvern wassluhom biex jifhmu li s-servizz il-ġdid kien se jikkumplimenta x-xogħol tagħhom u mhux kif ġara li se joħdilhom posthom.

Dan jikkonferma l-istorja li żvela Newsbook.com.mt f’Lulju li għadda fejn l-operaturi qalu li kienu mwiegħda mod u se jsir mod ieħor.

Lejn l-aħħar ta’ Jannar, id-diskussjonijiet li saru bejn l-operaturi tad-dgħajjes lejn Kemmuna u l-awtorità tal-Gvern Transport Malta fallew minkejja tentattiv li sar biex jintlaħaq ftehim barra l-Qorti għaldaqstant se tkun il-Qorti li tiddeċiedi.