Dgħajjes f’Kemmuna: Il-validità tat-tender ikkonfermata

Comino ferries

Read in English.

Il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi kkonferma l-validità tal-konċessjoni li Transport Malta tat lill-kumpanija Comino Ferries Co-op Limited. biex topera s-servizz bi skeda miċ-Ċirkewwa u l-Marfa lejn Kemmuna għal ħmistax-il sena. Il-Bord insista li l-kuntratt huwa konformi mal-liġi u għalhekk huwa validu u effettiv.

Il-Bord esprima d-diżappunt u kien sorpriż bit-talba tal-operaturi l-oħra li bbażaw l-argument tagħhom li ma kinux jafu bil-pubblikazzjoni tat-tender. Dan minħabba li kif qal il-Bord stess, l-applikanti kienu talbu kjarifiki matul il-proċess u għalhekk kienu “konxji sew” bl-eżistenza tal-kuntratt. Huma kienu talbu biex jitħassar il-kuntratt.

L-operaturi l-oħra ngħataw 20 ġurnata biex jappellaw mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Kuntratti.

Ġurnata qabel ma’ daħal fis-seħħ il-kuntratt, Transport Malta kienet ħabbret li se tipposponi l-ftehim li sar mal-kumpanija magħżula biex waħedha topera s-servizz tal-passiġġieri bi skeda lejn Kemmuna.

Mingħajr ma ntqal jekk din id-deċiżjoni hiex se tiġi revokata, Transport Malta fi stqarrija kkwotat mid-deċiżjoni tal-Bord fejn jingħad li ġie kkonfermat li kien hemm il-pubblikazzjoni minn qabel għas-sejħa għall-offerti fil-103 edizzjoni tal-ġurnal Ewropew nhar id-29 ta’ Mejju 2019. Dan b’kuntrarju ta’ dak li qalu l-appellanti.

Fi stqarrija maħruġa mill-kumpanija jingħad li jinsabu ħerqana li jipprovdu dan is-servizz lill-pubbliku “fil-futur qarib”. Kelliem għall-kumpanija reġa’ saħaq li huma kienu l-unika kumpanija li ssottomettiet l-interess li tipprovdi dan is-servizz meta s-sajf li għadda l-Gvern ħareġ sejħa pubblika.

L-avukati Jonathan Mintoff u Larry Formosa rrappreżentaw lill-applikanti filwaqt li l-avukat Mark Simiana deher għal Comino Ferries Co-op Limited. L-avukat Shazoo Ghaznavi kien ir-rappreżentant legali ta’ Transport Malta.