Dgħajjes f’Kemmuna: Ifallu d-diskussjonijiet mal-Gvern; issa tiddeċiedi l-Qorti

Read in English.

Id-diskussjonijiet li saru bejn l-operaturi tad-dgħajjes lejn Kemmuna u l-awtorità tal-Gvern Transport Malta fallew minkejja tentattiv li sar biex jintlaħaq ftehim barra l-Qorti. 

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li f’laqgħa li saret ilbieraħ ma’ rappreżentanti ta’ Transport Malta, l-operaturi ma qablux mal-pjan tal-Gvern u għaldaqstant se tkun il-Qorti li tiddeċiedi.

Dan kien ikkonfermat mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg fil-Parlament ilbieraħ. Mistoqsi mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo, il-Ministru Borg iddefenda l-konċessjoni ta’ 15-il sena billi qal li kienet kumpanija waħda li applikat. Qal ukoll li l-operaturi li lmentaw “għamlu għadd t’azzjonijiet biex iwaqqfu lis-servizz milli jopera”.

L-azzjonijiet legali saru l-ewwel b’mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti u imbagħad permezz ta’ applikazzjoni quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi biex jiġi mħassar il-kuntratt.

Il-Prim Ministru Robert Abela naqas milli jikkummenta dwar dan il-proġett billi qal lil Arrigo biex jistaqsi lill-Ministru kkonċernat. Newsbook.com.mt ilu għal dawn l-aħħar ġranet jistaqsi lill-Uffiċċju tal-PM dwar dawn l-iżviluppi iżda sal-lum dawn il-mistoqsijiet baqgħu mhux imwieġba.

Transport Malta pposponiet temporanjament id-dħul fis-seħħ tal-kuntratt li ġie ffirmat ma’ Comino Ferries Co-Op Limited nhar il-Ġimgħa filgħodu. Dan sar ġurnata biss qabel suppost kellhom jibdew il-vjaġġi bi skeda mill-kumpanija magħżula li tinkludi wkoll lil Captain Morgan.

“Hemm miżinformazzjoni” – Comino Ferries Co-Op Limited

Il-kumpanija li rebħet il-konċessjoni għal 15-il sena qalet li bħalissa hemm ħafna miżinformazzjoni u spjegat li l-intenzjoni tal-operaturi l-oħra li ma daħlux fil-kuntratt hija li “tirrenja l-anarkija”. Żiedu jgħidu li l-esklussività għall-mollijiet tapplika biss għall-Marfa u ċ-Ċirkewwa u mhux min-naħa ta’ Kemmuna.

Fi stqarrija ġie kwotat Mark Bajada li huwa wieħed mis-seba’ membri ta’ Comino Coop. Il-membri l-oħra huma Julian Zammit Tabona għal Captain Morgan, Loreto Xuereb, Joey Camilleri, Johnnie Spiteri, Joseph Xuereb u Samuel Camilleri.

Intqal ukoll li bl-investiment ta’ €5 miljuni se jkunu qed joperaw dan is-servizz b’żewġ dgħajjes minflok bl-10 li għandhom bħalissa minħabba li ż-żewġ dgħajjes huma aktar ekoloġiċi.