Dgħajjef, diżgustanti, flus qabel kollox: Ir-reazzjonijiet għax-xhieda ta’ Scicluna

📷: Miguela Xuereb

Wara li mix-xhieda tal-Ministru Edward Scicluna fil-Qorti ħareġ li minkejja t-tħassib tiegħu ma ħax azzjoni konkreta kontra l-abbuż tal-poter kien hemm diversi reazzjonijiet dwar dak li qal Scicluna taħt ġurament.

X’qal Scicluna?

Meta kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia Edward Scicluna qal li ma kienx parti mill-grupp tal-qalba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Minkejja t-tħassib kollu li qajjem waqt is-smigħ dwar dak li ġara taħt it-tmexxija ta’ Muscat, Scicluna kien baqa’ jappoġġja lill-Gvern Laburista. Mistoqsi għalfejn baqa’ jagħmel dan, Scicluna qal li telaq minn xogħol b’paga ta’ €100,000 fi Brussell biex sar MP f’Malta. Staqsa għalfejn kellu jirreżenja hu għall-iżballji ta’ ħaddieħor. Qal li kieku vvota kontra l-Gvern Laburista kien ikollu jirreżenja.

Illum it-Times of Malta qalet li s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Finanzi Alfred Camilleri ilu parti mill-bord tal-entità governattiva Projects Malta sa mill-bidu tagħha fl-2014. Camilleri sar Segretarju Permanenti fl-2006 taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.

Waqt li kien qed jixhed bil-ġurament, Scicluna qal li Projects Malta ma kinitx trasparenti fix-xogħol tagħha. Qal li f’mument minnhom ingħaqqad mal-Ministeru għas-Saħħa biex jikseb informazzjoni mingħandha. Spjega li Projects Malta kienet titmexxa mill-eks Ministru Konrad Mizzi. Scicluna qal li Projects Malta mexxiet negozjati fil-proġetti tal-Vitals u tal-Electrogas.

Scicluna penġa lilu nnifsu bħala dgħajjef – Cacopardo

Fi blog fuq The Malta Independent, iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li waqt ix-xhieda tiegħu stess Edward Scicluna penġa lilu nnifsu bħala Minstru dgħajjef li jibża’ jieħu azzjoni kontra l-abbuż. Cacopardo qal li b’hekk Scicluna ċċertifika lilu nnifsu bħala inkapaċi li jerfa’ r-responsabbilitajiet tiegħu bħala Ministru.

Diżgustat bil-prestazzjoni ta’ Scicluna – l-eks Ambaxxatur De Bono

L-eks Ambaxxatur Anthony De Bono qal lil Newsbook.com.mt li huwa diżgustat bil-prestazzjoni kompromizzanti tal-Ministru Edward Scicluna waqt l-inkjesta pubblika. Saħaq li huwa skandaluż li Scicluna pprefera jżomm xogħlu milli jfittex il-ġustizzja. De Bono qal li m’għandu xejn kontra Scicluna personalment u qal li kellu fiduċja fil-kapaċitajiet tekniċi tiegħu.

De Bono serva bħala Chief of Staff għal tliet ministri differenti matul 12-il sena. Kien involut f’diversi proġetti inkluż fit-tmexxija tat-Telemalta.

“Flus qabel il-prinċipji” – il-PN dwar ix-xhieda tal-Ministru Scicluna

Il-Partit Nazzjonalista qal li mix-xhieda tal-Ministru Edward Scicluna fil-Qorti deher li l-flus kienu jiġu qabel il-prinċipji.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario DeMarco ntqal li taħt il-gwida finanzjarja tal-Ministru Edward Scicluna, il-Partit Laburista ra l-agħar każijiet ta’ korruzzjoni u abbuż fosthom tal-Panama Papers, tal-kumpaniji sigrieti ‘l barra minn Malta u għadd ta’ ftehim dubjuż ma’ kumpaniji privati bħalma huma l-każ tal-Electrogas u l-privatizzazzjoni tal-isptarijiet. Il-PN stqarr li l-ġustifikazzjoni li huwa ma kienx parti miċ-ċirku li kien imexxi lil Malta taħt il-PM Muscat hija inkredibbli dan meta l-PN fakkar kif Scicluna ħalla l-Parlament Ewropew fi Brussell biex ġie Malta bħala Ministru.

Ħaseb li kien se jirbaħ lin-nies – The Malta Independent

F’editorjal kritiku dwar dak li ħareġ mix-xhieda ta’ Scicluna, The Malta Independent qalet li Scicluna jaf ħaseb li kien se jirbaħ is-simpatija tan-nies. Il-gazzetta qalet li fil-verità spara lejn saqajh u wera kemm ma kellux sinsla tad-dahar soda, flimkien mal-kollegi tiegħu fil-Kabinett.