Dewmien vapuri: 1 kellu rampa bil-ħsara; ieħor it-tarzna

Il-vapuri tal-Gozo Channel ma kienux jaħdmu skont l-iskeda minħabba li vapur minnhom jinsab it-tarzna u żviluppat ħsara fuq rampa ta’ vapur ieħor.
Il-ħsara fuq il-vapur Ta’ Pinu kkawżat dewmien fuq is-servizz bil-baħar bejn il-gżejjer minħabba li l-karozzi kienu qed jitilgħu u jinżlu mill-istess naħa.
Għadd ta’ persuni tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u qalu li damu aktar jistennew biex jaqsmu l-fliegu.
Sadanittant, aktar kmieni llum bdiet petizzjoni mill-Għawdxin biex jappellaw għar-raba’ vapur biex jiżdied mal-flotta eżistenti tal-Gozo Channel. Fiha jitolbu azzjoni għall-ħin li qed jitilfu biex jaqsmu bejn Malta u Għawdex.
Newsbook.com.mt ilbieraħ irrapporta kif fost il-kummenti wara t-theddida bomba li saret it-Tlieta, xi persuni kkummentaw fuq il-ħtieġa għar-raba’ vapur, u li l-konġestjoni li nqalgħet minħabba dan l-inċident turi li meta mqar vapur wieħed ikollu jieqaf, jieqaf Għawdex kollu.